Annimali
Student Malti jiskopri speċi ġdida ta’ żunżana

Speċi ta’ żunżana ġdida hija l-iskoperta ta’ żagħżugħ ta’ 18-il sena.

Ma’ Television Malta l-istudent universitarju Thomas Cassar tkellem dwar din iż-żunzana li tbejjed fix-xegħda tan-naħal.

Mill-età ta 12-il sena bdiet in-namra tiegħu għall-insetti. It-tfulija ta’ Thomas Cassar kienet kemxejn mhux tas-soltu għax meta sħabu kienu jkunu qed jiġru u jilagħbu huwa kien diġà beda b’passatemp mhux daqstant komuni.

“Dejjem kont nara il-films ta’ David Attenborough u ta’ 12-il sena bdejt nippubblika serjament fuq l-insetti. Kienu noti żgħar fuq speċi li qatt ma ġew irrekordjati Malta li kont sibthom jien”.

Illum il-gurnata Thomas huwa student tal-Bijologija, membru tal-Kunsill tas-Soċjetà Entomoloġika ta’ Malta u riċerkatur ta’ speċi ta’ insetti li normalment ma jgħixux Malta.

Thomas qal lil TVM kif is-Sajf li għadda skopra żunżana waqt li kien għaddej bix-xogħol tiegħu. Analiżi f’aktar dettall uriet li din kienet speċi ġdida.

Esprima wkoll it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ insetti u jattribwixxi dan għad-densità ta’ kostruzzjoni li minħabba fiha qed tittiekel art għammiela, id-dar naturali tal-insetti, u anke minħabba l-klima li qed tinbidel drastikament.

“Din iż-żunżana, għalkemm inqabdet minn Sardinja, imbagħad qbadtha jiena mimn Malta u kienet għadha ma ngħatatx isem allura kienet qisha skoperta bejnieta tlett xjentisti minn Sardinja, minn Malta u anke mill-Ġermanja u ddeċidejna li noħorgu karta flimkien. Insetti li s-soltu drajna narawhom jistgħu jiġu aktar rari u anke estinti jiġifieri rridu noqgħodu attenti għall-klima”.

Thomas qalina li dejjem hemm skoperti ġodda u li għad fadal ħafna xi jsir dwar il-protezzjoni tal-insetti f’Malta.

Huwa qal li sakemm is-socjetà jkollha studju sħiħ tal-insetti mhux se jieqfu minn xogħlhom u għalaq billi ta parir lil kulmin jibża’ mill-insetti.

“Ħafna insetti jibżgħu aktar minnek milli tibża’ inti minnhom  … dejjem żomm id-distanza jekk taħseb li huwa perikoluż … imma verament mhemmx x’tibża Malta”, żied jgħid Thomas.