Student sospiż sena… għax għannaq għalliema

Student Amerikan fi skola sekondarja f’Atlanta spiċċa sospiż għal sena wara li għannaq għalliema… u minħabba f’hekk Sam McNair aktarx jitlef borża ta’ studju fl-atletika.

McNair, li għandu 17-il sena, ġie sospiż wara li l-Bord ta’ Gvernaturi ta’ l-iskejjel fil-kontea ta’ Gwinnett qatagħha li huwa kiser ir-regoli kontra l-fastidju sesswali.

Stazzjon tat-televiżjoni tal-post irraporta li l-għalliema xliet ukoll lil McNair li biesha fuq ħaddejha u fuq in-naħa ta’ wara ta’ għonqha hekk kif ħaddanha miegħu. Ir-rapport kompla jikkwota lill-għalliema tgħid li hija kienet wissiet lil McNair li ma kellux jgħannaqha.

Omm McNair ċaħdet li l-għalliema qatt wissiet lit-tifel dwar it-tgħannieq. Hija qalet li binha ma biesx lill-għalliema u anqas taha fastidju sesswali. Hija qalet li kull ma għamel binha kien ġest “innoċenti” li qed jiġi interpretat totalment ħażin.

Mandakollu l-iskola qalet li s-sospensjoni ingħatat wara li l-bord qies il-fatti kollha, xhieda u anke każi dixxiplinari li studenti seta’ kellu fil-passat. F’dan il-każ McNair kellu każi ta’ dixxiplina kontrih iżda mhux għal fastidju sesswali.sam2