Lokali

Studenta Maltija b’riċerka dwar robots li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet

Studenta Maltija għaddejja b’riċerka kumplessa f’livell ta’ dottorat tipprova ssib soluzzjonijiet għal kif sistemi teknoloġiċi bħal drones jistgħu jgħinuna nsolvu b’mod effettiv sfidi kumplessi.

Ir-riċerka ta’ Rachael Darmanin qed issir bl-għajnuna ta’ skema ta’ boroż ta’ studju ffinanzjata mill-Gvern u l-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar sitt snin gawdew minn skemi ta’ scholarsips mal-elfejn student li bejniethom ħadu €27 miljun f’għajnuna.

Sadanittant l-Università Amerikana ta’ Malta qed toffri għaxar boroż ta’ studju lil studenti Maltin b’valur ta’ €300,000.

Rachael Darmanin, studenta fl-Università ta’ Malta għaddejja bi studju f’livell ta’ dottorat fl-inġinerija dwar kif sistemi robotiċi jistgħu jintużaw fil-ħajja ta’ kuljum, fosthom f’ħidmiet ta’ emerġenza u salvataġġ.

“Nistgħu nużaw dawn is-sistemi ta’ robots biex prattikament nagħmlu xi sorveljanza tal-kosta, per eżempju f’każ li jinqala’ inċident fuq il-baħar inkunu nistgħu nibagħtu tim ta’ drones li huma robots, ukoll li jkunu jistgħu jfittxu l-vittmi tal-inċident fl-inqas ħin possibbli u qed jużaw l-inqas enerġija possibbli minħabba l-limiti tal-batterija tagħhom.”

L-istudenta fid-Dipartiment tas-sistemi u l-kontroll tal-inġinerija spjegat li dawn is-sistemi jeħtieġu livell għoli ta’ intelliġenza. Hija tittama li r-riċerka tagħha, li mistennija tikkonkludi minn hawn u sentejn oħra, twassal biex tindirizza l-limitazzjonijiet li għad hemm fit-teknoloġija li teżisti.

Dan l-istudju qed tagħmlu bl-għajnuna finanzjarja li qed tirċievi mill-gvern u l-Unjoni Ewropea taħt l-iskema ta’ boroż ta’ studju msejħa ‘Endeavour’. “€10,500 prattikament jiġifieri aħna qed niġu mogħtija ftit minnhom huma personal grant tagħna u l-oħrajn ikopru tuition fees u bench fees li toħroġ l-Università stess,” spjegat Darmanin.

Fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari mid-Deputat Alex Muscat, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li fl-aħħar sitt snin 2,052 student ħadu bejniethom €27 miljun ewro fi skemi differenti ta’ boroż ta’ studju amministrati mill-ischolarships unit.

Intant il-Gvern ħabbar li rċieva għaxar boroż ta’ studju mill-American University of Malta (AUM) b’valur ta’ aktar minn €300,000 li se jingħataw lil studenti Maltin f’livell ta’ baċellerat. Fi stqarrija l-Gvern qal li dan hu parti mit-twettiq tal-ftehim ta’ mija u għoxrin miljun ewro. L-applikazzjonijiet għal dawn il-boroż ta’ studju jagħlqu fl-20 t’Awwissu.