Qasam soċjali
Studenta ppremjata talli tgħin oħra li għandha sfidi ta’ komunikazzjoni

Kylie Grech, studenta ta’ 11-il sena li tattendi l-Iskola Sekondarja ta’ Ħal Kirkop li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Benedittu, hija r-rebbieħa tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija 2021 organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi.

Din it-tfajla ta’ kuljum tagħti s-sapport tagħha lil ħabiba tagħha, Valentina Mifsud, li għandha sfidi ta’ komunikazzjoni.

Waqt iċ-ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta George Vella ppreżenta l-midalja lil Kylie Grech.

“Kylie u Valentina wrewna tip ta’ tjubija li għandha sservi ta’ tagħlima u eżempju għalina lkoll”, stqarr il-President George Vella.

Fid-diskors tiegħu, il-President tkellem dwar l-għaqda nazzjonali li fisser kif tintwera wkoll f’għemejjel żgħar bħalma huma ta’ Kylie u Valentina.

Huwa stqarr li l-għaqda mhijiex għażla iżda bżonn u fisser kif jemmen bis-sħiħ li huma l-valuri tar-rispett, l-empatija u l-imħabba li jwasslu għall-għaqda.

Il-President irringrazzja lil Patri Dijonisju Mintoff li, għal snin twal, ħa ħsieb f’isem il-Laboratorju tal-Paċi jorganizza dan il-premju b’tifkira ħajja għall-Papa Ġwanni XXIII—il-Papa twajjeb.

Waqt iċ-ċerimonja kien deskritt kif Kylie għenet ħafna lil Valentina mhux biss fis-suġġetti akkademiċi, iżda wkoll biex tgħin lil Valentina tesprimi ħsibijietha.

Dan wassal biex Valentina mtliet bil-kuraġġ u, anke waqt il-pandemija tal-Covid-19, kompliet tersaq aktar qrib ta’ sħabha.

Min-naħa tiegħu, Patri Mintoff enfasizza l-ħtieġa ta’ edukazzjoni biex sa minn età żgħira t-tfal jitgħallmu jkunu altruwisti f’għemilhom.