Qasam soċjali
Studenta tiżviluppa app biex tfal b’diffikultajiet intellettwali jitgħallmu l-Malti

Tfal b’diffikultajiet intellettwali se jkollhom għodda ġdida sabiex jitgħallmu l-Malti.

Dan grazzi għal studenta universitarja li ħolqot app – “Għallimni kelma” – biex tgħin lil dawn it-tfal fl-iżvilupp akkademiku tagħhom.

Teżi ta’ studenta universitarja taf tagħmel differenza kbira fil-ħajja tan-nies – speċjalment tat-tfal.

‘Għallimni kelma’ hija website app ġdida u hija intiża biex tgħin fit-tagħlim tal-Malti lil tfal b’diffikultajiet intellettwali.

L-app, li hija kunċett ġdid għal pajjiżna, ġiet żviluppata minn Martina Meli, studenta li għadha kemm lestiet il-kors f’Computing and Business fl-Università ta’ Malta.

Minnha nnifisha l-app diġà fiha logħob biex jgħinu t-tfal jitgħallmu. Iżda ġenituri u edukaturi jistgħu jkomplu jżidu u joħolqu logħob huma wkoll. Ix-xogħol fuq din l-app dam għaddej madwar sena.

“Hi propja għal tfal tal-primarja imma peress li hemm features fejn l-għalliema jew il-ġenituri jistgħu joħolqu l-logħob huma din tista’ tiġi użata minn kulħadd bażikament. Jiġifieri anke tfal tas-sekondarja, jew ikbar, li għandhom kapaċitajiet differenti”.

Martina qalet li l-ikbar sodisfazzjon tagħha hija t-tbissima li tara fuq wiċċ it-tfal meta tarahom jitgħallmu mill-app tagħha.

“Tara lit-tfal jużawha, xi ħaġa li veru domt taħdem fuqha, jużawha u taraha qed tgħinhom, u tarahom bit-tbissima fuq wiċċhom, jagħtik sodisfazzjon li lanqas nista’ niddeskrivih”.

Minkejja li l-app hija lesta, din għad tista’ tiġi żviluppata aktar b’Martina Meli tgħid li taspira li fiż-żmien li ġej din tibqa’ tikber u tintuża minn kemm jista’ jkun studenti.