Edukazzjoni
Studenti b’ċans li jgawdu minn ħames boroż ta’ studju f’oqsma varji

Iktar minn mitejn student u studenta se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ħames boroż ta’ studju varati llum. B’total ta’ €2.1 miljun, dawn il-boroż ta’ studju huma parzjament iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, qalet li dawn il-boroż ta’ studju jistgħu joffru wkoll opportunitajiet ta’ xogħol.

Il-boroż ta’ studju huma dwar l-Edukazzjoni Terzjarja, l-Arti, l-Isport u Studji Veterinarji, filwaqt li qed tiġi offruta wkoll borża ta’ Studju Endeavour, b’valur ta’ €800,000 u ffinanzjata minn fondi Ewropej, biex tgħin studenti javvanzaw għall-edukazzjoni terzjarja.

Il-Ministru Caruana qalet li l-gvern qed jinvesti €1.5 miljun f’dawn il-boroż ta’ studju biex l-istudenti Maltin u Għawdxin mhux biss ikollhom opportunità jtejbu l-edukazzjoni tagħhom, imma wkoll isibu opportunità ta’ xogħol. “Kull sena qed nimxu pass ‘il quddiem għal iktar għajnuniet, dawk għal veterinarji hemm ukoll esperjenza ta’ xogħol marbuta magħha.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-proġett tal-boroż ta’ studju Endeavour jaqbeż il-valur ta’ €10 miljun, u minn Malta f’dawn l-aħħar sitt snin ibbenefikaw madwar elf student. Qal li l-Gvern qed jaħdem biex mill-pakkett ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea 2021-2027 jinġiebu iktar fondi u opportunitajiet għall-istudenti Maltin.

“L-ipprogrammar qiegħed fuq livell avvanzat għal kisba ta’ fondi għas-seba’ snin li ġejjin, għall-edukazzjoni se ninvestu f’iktar opportuntajiet ma’ infrastruttura u għajnuniet għal iktar studenti li jtejbu l-istudji b’investimenti u finanzi,” qal Dr Zrinzo Azzopardi.

Il-Ministru Caruana qalet li aktar tard din is-sena se joħorġu boroż ta’ studju għal studju tal-lingwi barra minn Malta, fejn student jista’ jibbenfika minn għotja ta’ €850 ewro.

Dawn il-boroż ta’ studju jagħtu opportunita’ biex student jitgħallem il-lingwa b’taħriġ lingwistiku fil-pajjiż rispettiv. Min irid japplika għall-boroż ta’ studju jidħol fis-sit myscholarship.gov.mt