Edukazzjoni
Studenti Għawdxin f’Malta jingħataw €900 oħra f’għajnuna finanzjarja għall-kirjiet

Studenti Għawdxin li jistudjaw u jgħixu f’Malta se jingħataw sa €900 oħra fis-sena mal-€1,500 li diġà jirċievu tul is-sena akkademika. L-għajnuna addizzjonali se tingħata mill-Awtorità tad-Djar biex ittaffilhom il-piż tal-kirjiet.

L-Awtorità tad-Djar nediet skema t’għajnuna finanzjarja lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw u jgħixu f’Malta. Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li l-iskema tipprovdi sa massimu ta’ €900 fis-sena lill-istudenti u tirrifletti l-politika tal-Gvern għal akkomodazzjoni affordabbli.

“L-istudenti Għawdxin ser ikunu jistgħu jikkompetu aħjar, ikollhom rashom mistrieħa li jkunu qed ilaħħqu mal-ħajja u b’hekk permezz ta’ din l-inċentiva qed nuru biċ-ċar li s-surplus – qed inqasmsu l-ġid komuni ma’ dawn l-istudenti wkoll.”

Fit-tnedija tal-iskema, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li din l-għajnuna se tagħti nifs lill-istudenti Għawdxin li jgħixu f’akkomodazzjonijiet privati biex itaffu mill-piżijiet tal-kera. Spjegat li dan is-sussidju fuq il-kera hu b’żieda mal-kumpens li diġà jirċievu l-istudenti Għawdxin.

“Din kienet miżura tal-budget li permezz tagħha, mal-1,500 ewro fis-sena li bħala Ministeru għal Għawdex nagħtu lill-istudenti Għawdxin issa ser ikunu qed inżidu l-allokazzjoni finanzjarja.”

Qalet li din l-għotja issa qed titqassam kull xahar minflok kull tliet xhur.

Il-Ministru Caruana qalet li l-Ministeru ta’ Għawdex qed jevalwa l-offerti li rċieva f’sejħa għal xogħlijiet biex dar kbira f’Birkirkara tinbidel f’hostel għall-istudenti universitarji Għawdxin.