Lokali
Studenti jgħixu l-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù b’mod differenti

Esperjenza innovattiva għall-istudenti tas-sekondarja tal-Kulleġġ Stella Maris li qed jitgħallmu l-valuri tas-solidarjetà u d-diversità permezz ta’ sehem attiv fi produzzjonijiet artistiċi. Żorna xena waqt produzzjoni oriġinali tagħhom fil-Kappella tal-Madonna tal-Pilar, il-Belt.

L-istudenti tal-kulleġġ Stella Maris qed jgħixu l-ġrajja tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesu b’mod attiv u artistiku.

L-għalliema Victoria Aguis qalet li l-attivitajiet kulturali bħall-paegant li pproduċew fil-Kappella tal-Pilar l-Belt imorru lil hinn mill-kurrikulu formali tal-istudenti u jgħinuhom isaħħu l-abbiltajiet tagħhom filwaqt li jiffaċilitaw l-integrazzjoni fl-esperjenza unika li qed tipprovdi l-Valletta 2018.

L-għalliema Victoria Aguis qalet “se nagħtu riflessjoni wkoll u idea tal-istorja ta’ din il-kappella, knisja tal-ordni li hi tant sabiħa,  u post mhux daqshekk tant użata, u t-tfal iridu japprezzaw l-arti li għandhom u l-wirt sabiħ mhux fl-ambjent tal-iskola biss, imma barra mill-iskola.”

Il-produzzjoni tad-drama turi l-vjaġġ miżgħud emozzjonijiet li jitqanqlu bir-rakkont tal-ġrajja tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt; li huma l-aktar ġrajjiet importanti għall-insara.

L-edukatriċi Maria Magri qalet li l-proċess li witta t-triq għall-produzzjoni wassal biex l-istudenti joħorġu t-talenti tagħhom.

L-għalliema Maria Magri qalet ”nipprovaw inrawwmu fihom l-ħajra lejn l-arti u lejn l-istorja u l-kultura tal-Maltin b’dawn it-tradizzjonijiet.”

L-istudenti qalu li l-esperjenza pprovdiet perspettiva oħra tal-ġrajja tal-Passjoni.

L-istudenti qed itellgħu wkoll wirja tal-arti li se tkun varata f’Palazzo La Salle, il-Belt, fit-12 ta’ April.