Lokali
Studenti joħolqu simulatur biex inaqqsu l-inċidenti tat-traffiku bil-mutur

Inġinier u grupp ta’ studenti universitarji ħolqu simulatur li se jgħin fid-disinn tal-muturi bl-iskop hu li jkunu iżjed sikuri u jnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku.

Dan il-proġett ġie żviluppat mill-Fakultà tal-Inġinerija tal-Università ta’ Malta b’finanzjament tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dan is-settur qed ikompli jikber f’Malta b’tisħiħ tar-riżorsi umani u iktar fondi li huma ntiżi jgħinu iktar proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni bħal dawn.

Adams huwa simulatur li jaħdem b’teknoloġija innovattiva. L-Inġinier Philip Farrugia mill-Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta qal li l-idea ta’ dan il-proġett tnebbħet wara li student tiegħu miet b’inċident fuq il-mutur.

Minn hemmhekk spjega li nħoloq il-proġett li wassal għall-iżvilupp ta’ dan is-simulatur li għandu l-għan li jikkontribwixxi għal disinn ta’muturi li huma iżjed sikuri biex jipprevjenu l-inċidenti.

“Jaġġusta skont il-qies tal-persuna kif ukoll ikun jista’ jiġi configured skont it-tip ta’ motorcycle. Barra minn hekk, beħsiebna li niġġeneraw għarfien dwar kif il-qisien tal-mutur jinfluwenza l-esperjenza tas-sewqan. Ir-riċerka uriet li jekk is-sewwieq ma jkunx komdu fis-sewqan ikun hemm iżjed ċans li jweġġa f’inċident”.

L-Inġinier Farrugia qal li l-ħidma għall-proġett Ride and Safe involviet ukoll l-istudenti tal-Fakultà fuq livelli ta’ masters u dottorat, li pperfezzjonaw id-disinn tas-simulatur bl-għajnuna ta’ finanzjament ta’ madwar mija ħamsa u disgħin elf ewro b’finanzjament tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Il-Ministru responsabbli għar-riċerka u l-innovazzjoni Owen Bonnici qal li dan is-settur qed ikompli jikber f’Malta permezz tat-tisħiħ tar-riżorsi umani.

Huwa semma kif fost l-oħrajn qed jiġu allokati fondi pubbliċi speċifikament għar-riċerka u l-innovazzjoni biex dan is-settur jissaħħaħ u jonħolqu iktar impjiegi.

“Diversi esperti u xjenzjati min żmien għal żmien joħolqu trattamenti ġodda għal kura tas-saħħa u medical devices, aħna f’pajjiżna għandna kumpaniji kbar ħafna li jissuplixxu medical devices ġodda u innovattivi u anki fil-qasam tal-inġinerija, li rajna illum huwa proġett sabiħ ħafna li għandu l-opportunita kbira li jiġi kkumerċjalizzat mhux biss Malta imma anki barra”.

L-inġinier Philip Farrugia qal li eventwalment, il-proġett se jkun kummerċjalizzat biex is-sewwieqa tal-muturi jkunu jistgħu jippruvaw is-simulatur fis-showrooms u jwettqu esperjenza virtwali skont il-parametri u l-qisien tal-mutur li jixtiequ.