Studenti li jagħmlu sena addizzjonali fil-kors se jingħataw ukoll l-istipendju

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li se jingħata għall-ewwel darba stipendju lill-istudenti li ma jkomplux il-5 sena sekondarja u jibdew isegwu l-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv; filwaqt li studenti li jattendu l-Università u jeħlu mill-eżamijiet se jingħataw l-istipendju wkoll, anke jekk isegwu kors f’livell inqas mil-kors taghhom.

Il-Gvern se jkun qed jirrevedi wkoll it-threshold tal-qligħ tal-istudenti b’rabta mal-eleġibbiltà għall-għotja supplimentari.

Studenti b’diżabilità u studenti li joqogħdu fi djar tal-Knisja u konservatorju, fost l-oħrajn se jibdew jitqiesu awtomatikament eliġibbli għall-għotjiet ta’ manteniment inkluż l-għotja supplimentari.

Studenti li jagħmlu sena waħda addizzjonali fil-kors tagħhom se jingħataw stipendju wkoll għas-sena addizzjonali u jitqiesu bħala studenti li qed jirrepetu sena fil-kors tagħhom.

Mis-sena d-dieħla, studenti full time li jkunu għadhom m’għalqux l-24 sena u li jagħmlu xi xogħol bħala self-employed se jkunu jistgħu jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali pro rata bir-rata ta’ 15% fuq id-dħul nett mix-xogħol.

Minn din is-sena skolastika, studenti li jagħlqu 16-il sena u jkomplu jistudjaw u jitħarrġu fil-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv f’Raħal Ġdid fil-Livell 3 tal-Qafas tal-Kwalifiki Maltin fil-hospitality and customer care u fil-welding and fabrication se tkunu eliġibbli biex jingħataw stipendju wkoll.

Studenti li għal xi raġuni jiddeċiedu li jmorru għal kors ta’ studju li jwassal għal kwalifiki aktar baxxi minn kors ta’ studju bi kwalifiki aktar għolja jibqgħu jieħdu l-istipendju.

Il-Ministru ħabbar ukoll li se jinbidlu l-kompjuters li qabżu t-8 snin fl-użu tagħhom fil-klassijiet tal-iskejjel tal-primarja u se jissokta x-xogħol  fuq proġetti kapitali fl-Univesità ta’ Malta fosthom l-estensjoni tal-Materials Engineering Lab u tal-binijiet tal-Matematika u l-Fiżika, il-bini għal Postdoc, il-bini għall-multi-reliġjon, ir-rinnovazzjoni tal-kampus tal-Belt Valletta u tal-Junior College. Il-Gvern se jkun qed jikkontribwixxi biex isir University Residence and Community Car Park f’Tal-Qroqqq. Għal dawn il-proġetti kollha qed jalloka €7 miljun għas-sena li ġejja.

Fl-MCAST se jissokta l-iżvilupp tal-kampus il-ġdid fuq il-binjiet tal-Istitut tal-Inġinerija u Trasport, il-Librerija u l-Learning Support Unit.