Studenti minn nofsinhar ta’ Malta bi problema akbar ta’ piż żejjed

Wara l-festi tal-milied, bosta huma dawk li jaqbdu jaraw kif se jnaqqsu l-piż żejjed li jkunu żiedu f’dawn iż-żminijiet. Biss il-problema tal-piż żejjed u l-ħxuna hija xi ħaġa li naraw matul is-sena kollha f’pajjiżna. Biss kemm hu possibbli u affordabbli li familja tgħix stil ta’ ħajja b’saħħitha?

‘Popolin’ stħarreġ dan is-suġġett, fil-fatt l-istatistika turi li studenti kemm tal-primarja, kif ukoll tas-sekondarja li ġejjin minn nofsinhar ta’ Malta għandhom problema akbar ta’ piż żejjed meta komparati ma dawk li jgħixu fit-tramuntana, l-punent u ċ-ċentru ta’ pajjiżna. Fil-fatt fi skejjel sekondarji tan-nofsinhar ta’ Malta, 37% tal-istudenti subien kellhom problema ta’ piż żejjed fil-waqt li numru marbut mal-bniet fl-istess skejjel kien ta’ 38%. Minn naħa l-oħra fi skejjel sekondarji tat-tramuntana ta’ Malta kienu 29.7% tas-subien u 29.6% tal-bniet li rreġistraw problema ta’ piż żejjed.

Tkellimna ma’ Therese Micallef, psikoterapista u social worker, li spjegat li l-problemi ta’ obeżità f’pajjiżna huma inkwetanti. Qalet l-ekonomija għandha sehem f’dan il-fenomenu għaliex ikel hekk imsejjaħ ‘fast food’ huwa iktar affordabbli minn ikel ‘healthy’, għalhekk jekk persuna jew familja m’għandiex il-mezzi finanzjarji biex tixtri ikel healthy, hemm iktar ċans li l-istil ta’ ħajja tal-istess familja se jkun ibbażat fuq ikel iktar affordabbli. Qalet li min jgħix bil-benefiċċji ma jaffordjax jixtri b’mod konsistenti, ikel ‘healthy’.

Micallef enfasizzat ukoll l-importanza tal-kultura f’dan ir-rigward, għaliex it-tfal huma dipendenti fuq il-ġenituri jew il-kustodji tagħhom biex jippreparawlhom l-ikel. Ħafna mid-drabi it-tfal jitgħallmu jħobbu jieklu dak li darrewhom jieklu l-ġenituri tagħhom. Il-kultura tħalli impatt ukoll fejn jidħol ix-xogħol tal-ġenituri. Illum il-ġurnata qed naraw realtà ġdida fejn iż-żewġ ġenituri jeħtieġ li jaħdmu għalhekk il-possibilità u ċ-ċans biex tiġi ppreparata ikla bnina naqas ferm.