Edukazzjoni
Studenti ta’ suġġetti vokazzjonali se jgawdu klassijiet b’bixra ġdida

L-istudenti fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern li għażlu suġġetti vokazzjonali, minn Settembru li ġej se jibda jkollhom il-lezzjonijiet minn klassijiet li ngħataw bixra differenti għax ġew mgħammra b’apparat li jixbah dak li jinstab fil-postijiet tax-xogħol. Dan bil-ħsieb li joffru esperjenza prattika lill-istudenti bl-għan li jħejjuhom għad-dinja tax-xogħol.

Mis-sena skolastika li ġejja se jitilgħu għal disgħa s-suġġetti vokazzjonali mgħallma fl-iskejjel tal-Gvern.

Malli dħalt fi klassi tal-Iskola Sekondarja San Tumas More f’Santa Luċija stħajjiltni qiegħed f’ħanut tax-xagħar modern, b’għadd ta’ mirja u hairdryers ma’ kull rokna tal-klassi. F’din il-klassi tal-Hairdressing & Beauty, l-istudenti se jitgħallmu dak kollu relatat mas-sbuħija, mill-qtugħ u l-ħasil tax-xagħar sal-kura tad-dwiefer u l-wiċċ.

L-istudenti li għażlu s-suġġett Fashion & Textiles, se jsibu klassi mgħammra b’magni tal-ħjata, drappijiet u manekkini. Dawn iż-żewġ suġġetti vokazzjonali huma fost 4 suġġetti ġodda li se jiġu mgħallma mis-sena skolastika li ġejja. Iż-żewġ suġġetti l-oħra huma Retail u Media Literacy.

Klassi oħra hi fula maqsuma ma’ kċina ta’ ristorant f’lukanda, minn borom u kukers ta’ kull daqs, sa taġnijiet u platti għall-istudenti tal-Ospitalità, li se jibda jkollhom lezzjonijiet ukoll fil-lukandi.

Klassi oħra ngħatat bixra ta’ sala żgħira fi sptar mgħammra b’apparat modern li fost oħrajn se jgħin lill-istudenti tal-Health & Social Care jitgħallmu kif jittrattaw il-pazjenti.

“L-istudenti qed imissu tikka żgħira xi tfisser nursing, physiotherapy, occupational therapists. Imissu tikka żgħira dawn l-affarijiet biex jekk għada pitgħada jkollhom xewqa jistgħu anki jimxu wara l-vokazzjoni tagħhom,” qalet Michelle Abela Uffiċjal Edukattiv fil-Health & Social Care.

Din il-klassi hi mgħammra b’xawers u kċejjen żgħar biex l-istudenti jitgħallmu jsajru għat-tfal u l-anzjani filwaqt li jrawmu l-passjoni tagħhom li jaħdmu ma’ nies vulnerabbli. “Għandhom in-nappy changer. Għandhom pupi li huma reali li jibku u dawn l-affarijiet biex huma xi tfisser anki tarbija għalxiex qed tibki.”

Dawn il-klassijiet, li huma l-ewwel tax-xorta tagħhom f’Malta, qed isiru fit-12-il skola sekondarja b’investiment ta’ €10 miljun, biex l-istudenti jitgħallmu jmiddu jdejhom qabel jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Id-Direttur għall-Programmi ta’ Tagħlim, Tano Bugeja, spjega li l-istudenti jistgħu jpoġġu għall-eżamijet tal-O-Level anke f’dawn is-suġġetti. “Aħna nixtiequ li l-ewwel l-istudent ikompli jistudja, jispiċċa s-sekondarja u jkompli jistudja f’postijiet post-secondary biex għada pitgħada jsib job f’dan il-qasam jew oqsma simili li bih ikunu ta’ servizz għall-pajjiż.”

Is-Sur Bugeja qal li dan l-investiment fl-apparat jikkumplimenta l-investiment li sar fit-taħriġ għall-għalliema tas-suġġetti vokazzjonali bl-għan li l-istudenti jkollhom l-aqwa esperjenza edukattiva.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Omm Maltija ta’ żewġt itfal żgħar ilha sitt ġimgħat ma tara lil uliedha, u tisħaq li ma tafx x’sar minnhom. L-omm, li isimha mhux qed jixxandar fl-interess tat-tfal, ix-xahar li…

Kultura

Aktar minn 100 kwadru ta’ arti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tneħħew minn posthom minħabba l-moffa li żviluppat fil-binja. F’kummenti lil TVM, il-Kuratur tal-MUŻA, Kenneth Cassar, spjega li l-opri tal-arti tneħħew minn…

Qorti

Raġel ta’ 31 sena li joqgħod Birżebbuġa wkoll ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ elf ewro u garanzija ta’ għaxart elef ewro wara li tressaq il-Qorti mixli li attakka, insulta, hedded…

Qorti

Raġel ta’ 26 sena mix-Xewkija li jaħdem fil-kafeterija tal-vapuri tal-Gozo Channel wieġeb mhux ħati li seraq €1,500 mill-basket ta’ mara li ħallietu warajha fuq mejda. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni ppreżentat filmati tas-CCTV…

Aktar