Studenti tal-Higher Secondary jiddibattu fil-Parlament

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia laqa’ fis-sala tal-Parlament studenti tal-Iskola Giovanni Curmi Higher Secondary li taħt id-direzzjoni tal-għalliema tad-Dipartiment tas-Systems of Knowledge ta’ din l-iskola ħadu l-inizjattiva biex flimkien mal-Uffiċċju tal-Ispeaker jorganizzaw sessjoni ta’ dibattitu bejn l-istudenti fil-Parlament.

L-istudenti ngħataw l-opportunità li jesperjenzaw il-proċess demokratiku kemm fil-mod kif intgħażlu dawk fosthom li indirizzaw lill-Kamra kif ukoll fil-proċedura ta’ kif ġew imressqa emendi u ttieħed il-vot dwarhom.

It-temi li ġew diskussi kienu jinkludu l-età tal-kunsens; l-età li persuna tista’ tivvota fl-elezzjonijiet u fir-referenda; iċ-ċensura fl-arti u l-limitu tal-libertà tal-espressjoni; miżuri favur il-promozzjoni tal-arti għaż-żgħażagħ taħt it-18-il sena; ir-riċiklaġġ ta’ materjal ta’ skart mid-djar, minn istituzzjonijiet edukattivi u minn kumpaniji privati u d-drittijiet tal-annimali b’rabta mad-divertiment tal-bniedem b’referenza għaċ-ċirkli, zoos u pets eżotiċi.

Waqt id-diskors tiegħu l-Ispeaker għamel referenza għall-avveniment tas-Sette Giugno 1919 li wassal biex tliet snin wara Malta ngħatat il-Kostituzzjoni Amery Milner tal-1921, data li hija meqjusa bħala t-twelid tal-Parlament Malti.