Lokali
Studenti tal-Ingliż jingħataw sa massimu ta’ €300 biex jonfquhom f’ristoranti, lukandi jew fi skola tal-Ingliż


L-għada li r-Renju Unit baqa’ jiskoraġġixxi vjaġġar lejn ħafna pajjiżi Ewropej, inkluż f’Malta, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li ħidmet il-Gvern tissokta biex jattira tużimu sigur u jifrex kemm jista’ jkun il-pajjiżi minn fejn turisti jiġu Malta.

Illum ngħataw dettalji dwar sett ieħor ta’ vawċers maħsuba għal barranin li jiġu Malta biex jistudjaw l-Ingliż. Mit-Tnejn li ġej dawn jistgħu jieħdu sa €300 li jintefqu f’ristoranti u faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni jew f’xi waħda minn 40 skola tal-Ingliż.

Min-nhar it-Tnejn se tidħol fis-seħħ l-iskema ta’ miljun ewro f’vawċers t’għaxar ewro għal kull lejl li studenti li jistudjaw l-Ingliż jqattgħu f’Malta.

Il-vawċers japplikaw għall-istudenti li jqattgħu minn 14 sa 30 ġurnata u għalhekk jistgħu jieħdu massimu ta’ €300 kull wieħed.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, spjega li dan il-vawċer ta’ lewn isfar jista’ jintuża kull fejn tiġi aċċettata s-sistema tal-vawċers tal-gvern. Spjega li l-istudenti se jkunu jistgħu jiġbru l-vawċers mill-iskejjel tal-Ingliż fejn jattendu f’Malta.

Television Malta staqsa lill-Ministru Bartolo dwar il-pjani tal-gvern biex jilqa’ għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li ma żiedx pajjiżi fil-lista l-ħadra. Effett ta’ hekk, turisti li jiġu Malta mir-Renju Unti iridu jagħmlu kwarantina ladarba jidħlu lura f’pajjiżhom.

“Il-pjan tagħna jkompli għaddej biex niddiversifikaw dejjem iżjed it-tourist base ta’ pajjiżna, jigifieri aħna rridu naraw li t-turist li jiġi f’pajjiżna ma jkunx biss minn pajjiż wieħed imma jkollna firxa sħiħa ta’ pajjiżi li minnhom nattiraw iżjed turisti lejn pajjiżna. Din il-ħidma ilha li bdiet. Hija parti kemm mill-pjan ta’ rkupru fis-settur turistiku iżda hija wkoll parti mill-viżjoni tal-pajjiż għall-għaxar snin li ġejjin.”

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-vawċers għall-istudenti tal-Ingliż se jibqgħu validi sal-aħħar ta’ din is-sena jew sakemm jintuża l-fond ta’ miljun ewro. Qal li din il-miżura se tgħin 4,700 negozju, inkluż l-iskejjel tat-tagħlim tal-Ingliż.

“Meta nedejna l-pjattaforma diġitali fejn tidħol il-vouchers tal-100 ewro biex niftehmu hemmhekk bnejna infrastruttura diġitali li l-pajjiż jista’ juża anke meta jkun hemm bżonn f’affarijiet oħra. U dak li għamilna llum kien propju dan.”

Il-Ministru Schembri temm jgħid li dawn huma skemi li jipproteġu l-impjiegi, anke jekk qal li l-pajjiż għandu fost l-inqas rata ta’ qagħad fl-Unjoni Ewropea.