Edukazzjoni
Studenti tal-MCAST jiċċelebraw is-suċċessi tagħhom fil-gradwazzjoni

Jinsabu nofs triq iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni fil-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija. Ir-Reġistratur tal-MCAST, Maria Pace, stqarret kemm kien diffiċli, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-kulleġġ, li ma jiċċelebrawx is-suċċess tagħhom u qalet li rsistew biex minkejja l-limitazzjonijiet jagħmlu ċelebrazzjoni li tixraq lil dawn l-istudenti. Spjegat li dawn l-istudenti kienu diġà ngħataw iċ-ċertifikat iżda issa qed iżommu kelmthom u jsiru l-gradwazzjonijiet skont ir-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa.

“Tlabna lill-istudenti kollha biex jikkonfermaw l-attendenza tagħhom onlajn bil-quddiem biex ikollna idea tan-numri kemm se jattendu u imbagħad skont in-numri li kellna, skont il-korsijiet li kellna ta’ dawk li se jattendu, qassamna b’numri limitati skont il-gwida li tawna l-awtoritajiet tas-saħħa.”

Tkellimna ma’ wħud mill-istudenti minn korsijiet differenti li kellhom kliem ta’ tifħir għall-MCAST b’mod speċjali għall-fatt li apparti t-teorija, ngħataw sessjonijiet ta’ prattika.

Mal-gradwati kien hemm ukoll membri tal-istaff, fosthom Violet Vella li tinsab qrib l-età tal-irtirar.

Violet Vella,Lecturer u gradwata, qalet “jiena lecturer fl-Institute of Community Services tal-MCAST għal dawn l-aħħar 13-il sena fis-settur tal-Beauty. Barra minn hekk jiena wkoll mature student, iddeċidejt li nkompli nistudja u għamilt il-Masters post grad cert level 7. Nemmen li taf kemm taf fil-ħajja, qatt ma taf biżżejjed. Għamilt dan il-kors bdejtu meta kelli 58 years, jiġifieri waħda mill-iżjed mature students li konna nattendu għal dan il-kors.”

Steph Formosa, Lecturer u gradwata, qalet “l-MCAST tani opportunità kbira ħafna li jiena nkompli nikber fil-qualifications, fl-istudji tiegħi. Bħala hairdressing tieqaf sa ċertu livell, m’hawn l-ebda degree ieħor, la Malta u lanqas barra minn Malta, però bis-saħħa tal-MCAST jiena stajt inkompli nikber u navvanza fil-kwalifiki tiegħi.”

Mill-gradwati l-ġodda hemm mal-440 student f’livell ta’ masters u baċellerat; 1,128 kisbu diploma u 720 ċertifikat.