Lokali
Studenti tas-sixth form jitolbu li jirritornaw fuq il-bank tal-iskola

Il-kunsill tal-istudenti ta’ żewġ skejjel post-sekondarji tal-Knisja u ta’ skola post-sekondarja indipendenti kitbu lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex jerġgħu jibdew jitgħallmu f’ambjent ta’ skola u mhux aktar minn wara laptop id-dar.

L-iskejjel sekondarju ngħalqu ġimgħat ilu wara li kient bdiet tiġi rreġistrata żieda fil-każijiet marbuta mal-Covid-19 f’pajjiżna.

F’ittra mibgħuta lill-Prim Ministru, lid-deputat Prim Ministru, lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u lill-Ministru tal-Edukazzjoni, it-tliet kunsilli tal-istudenti ta’ San Alwiġi, De La Salle u San Martin qalu li issa li s-sitwazzjoni qed tirritorna għal ċertu grad ta’ normalità, u għalhekk l-istudenti m’għandhomx ikunu vittmi ta’ dawn ir-restrizzjonijiet.

Qalu li m’għandhomx ikunu huma li jiġu ssagrifikati minħabba azzjonijiet irresponsabbli ta’ oqsma u industriji oħrajn. Żiedu jgħidu li din il-ħsara qed issir kemm fuq livell edukattiv kif ukoll psikoloġiku u fiżiku.

Il-Kunsilli tal-Istudenti qalu li d-dixxiplina hija imperattiva u għalhekk ħeġġew għal infurzar effettiv u b’saħħtu biex jassiguraw li l-istudenti li jattendu l-iskola jimxu mar-regoli li jikkontrollaw it-tixrid tal-Covid-19.

Fl-istess waqt tennew li min jixtieq isegwi l-lezzjonijiet mid-dar minħabba xi vulnerabbiltà jew għax iħossuhom aktar siguri d-dar, għandu jkollhom din l-opportunità waqt li jassiguraw li qed jingħataw edukazzjoni effettiva kemm jista’ jkun.