Lokali
Studenti Universitarji jistgħu jżuru s-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta bla ħlas

L-istudenti li qed jsegwu tagħlim fl-Università ta’ Malta se jkunu jistgħu jżuru s-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta bla ħlas. Dan wara li llum ġie ffirmat ftehim bejn Heritage Malta u l-Università ta’ Malta li saħħew ir-relazzjoni ta’ bejniethom billi jniedu numru ta’ inizjattivi relatati mar-riċerka dwar il-wirt kulturali.

Bi sħubija strateġika Heritage Malta u l-Università ta’ Malta se jkunu jistgħu jiġbdu ħabel wieħed fi proġetti prospettivi ta’ riċerka. Dan wara li ġie ffirmat ftehim biex ir-riżorsa separata tagħhom tkun aċċessibbli kemm għar-riċerkaturi ta’ Heritage Malta kif ukoll għall-istudenti universitarji.

Fost diversi inizjattivi, l-entitajiet qegħdin jaqblu li jaqsmu bejniethom ir-riżorsi tagħhom, fosthom il-libreriji u t-tagħmir teknoloġiku, biex l-impjegati ta’ Heritage Malta u l-impjegati u l-istudenti tal-Università ta’ Malta, ikollhom aċċess sħiħ għal kollezzjoni ta’ għarfien mill-iktar wiesgħa.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit spjega li b’dan il-qbil, Heritage Malta se tkun qed tgħaddi numru ta’ ideat għall-riċerka storika. Ħabbar li l-iskema tal-passaport ta’ Heritage Malta se tkun estiża għall-istudenti Universitarji.

“Qed nagħtu aċċess lil kull student tal-Università, irrelevanti mill-liema fakultà jiġi b’xejn kemm-il darba jrid ġo s-siti u l-mużewijiet tagħna. Qisna qed nestendu l-passaport ta’ Heritage Malta għall-Università wkoll.”

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta l-Professur Alfred Vella esprima s-sodisfazzjoni tiegħu bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim li se jkompli jgħin biex jespandi t-tagħrif akkademiku f’dan il-qasam.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar qal li dan huwa l-ewwel pass minn ħafna li jridu jsiru biex tinbena r-riċerka u fuqha ssir l-interpretazzjoni. Qal li huwa fundamentali li s-siti ta’ Heritage Malta ma jibqgħux biss ċentri ta’ artifatti iżda jinbidlu f’ċentri għad-diskussjoni u ta’ taħlit ta’ ideat għall-viżitaturi.