Barranin
Studju fi Spanja jnaqqas it-tama li se tinħoloq l-immunità għall-Covid-19

Studju li sar fi Spanja naqqas it-tama li l-popli se jkunu kapaċi jiżviluppaw dik li tissejjaħ immunità tal-merħla (herd immunity) kontra l-Covid-19. Dan hekk kif instab li 5% biss tal-popolazzjoni fi Spanja kienet żviluppat immunità għal dan il-virus.

L-istudju, li sar fuq 61,000 persuna u huwa l-ikbar tax-xorta tiegħu s’issa fl-Ewropa, kien ippublikat fir-rivista medika The Lancet.

L-immunità tal-merħla tirreferi għal xenarju fejn biżżejjed nies fil-komunità jkunu mardu bil-virus u żviluppaw reżistenza għalih, b’mod li dan ma jibqax jinxtered.

Ir-riżultati tal-istudju wrew li 95% tal-popolazzjoni Spanjola xorta waħda baqgħet suxxettibbli għall-coronavirus, u jsostnu dak li diġà ħareġ minn studji oħra, fosthom studju fuq l-antibodies li sar fuq 2,766 persuna fl-Iżvizzera, li wrew li l-maġġoranza tal-popolazzjoni baqgħet ma ġietx esposta għall-virus.

Kwistjoni oħra hija dwar l-antibodies, hekk kif għad hemm mistoqsijiet dwar jekk persuna li fieqet mill-Covid-19 tistax terġa’ timrad biha ‘l quddiem.