Lokali
Studju fuq Maltin biex jistabbilixxu x’immunità għandna mill-COVID-19

Studju fuq eluf ta’ kampjuni tad-demm ta’ persuni li kienu morda bil-Covid, oħrajn li tlaqqmu u dawk li la ħadu t-tilqima u lanqas ġew infettati mistenni juri x’immunità għandha l-popolazzjoni Maltija f’dan iż-żmien tal-pandemija.

Television Malta tkellem mal-Professur Godfrey Grech dwar din ir-riċerka li għaliha qegħdin jinġabru 4,000 kampjun.

Kampjuni tad-demm li qegħdin jingħataw miċ-Ċentru Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamangia ser jiġu analizzati biex jistabbilixxu l-immunità tal-persuni kemm jekk ġewx infettati bil-COVID, kif ukoll ta’ dawk li ngħataw it-tilqima u oħrajn li ma ħaduhiex.

Il-Professur Godfrey Grech mill-Università ta’ Malta qed imexxi l-proġett Cov Plex u qal lil TVM kif bħalissa qed jinġabar fost oħrajn kampjun tad-demm minn 4,000 ruħ.

“Il-cohort hwua uniku għax ħa jkollna fih persuni li mhumiex vaċċinati, li ma kinux f’kuntatt mal-virus u dawk huma l-iktar importanti fil-proġett għax ħa jintużaw bħala control group biex nikkomparaw u anki ċelloli speċjali fid-demm li jipproduċu dawn l-anti-korpi, ma’ dawk li huma pożittivi għall-COVID u ma’ dawk li jkunu vvaċċinati.

Il-Professur Grech qal li s’issa diġà nġabru 400 kampjun, li nofshom huma minn persuna li mhumiex imlaqqma u li ma qabadhomx il-Covid. Il-Professur Grech spjega kif fil-jiem li ġejjin ser tibda analiżi fl-Università ta’ Malta, li fost l-oħrajn ser tistabbilixxi kif jirreaġixxi l-ġisem kontra l-virus.

“Issa li ħa jiġri min dan id-demm ser nibdew nipproċessawh, u minn din il-ġimgħa ser nibdew l-anti body testing, imbagħad ser naqsmuhom bejn dawk li huma pożittivi għall-antikorpi u dawk li huma negattivi. Dawk li huma pożittivi ħa nibqgħu nagħmlu riċerka biex naraw dawk li veru jinnewtralizzaw il-virus”, qal il-Prof. Grech.

Huwa qal frott din ir-riċerka jista’ jiġi żviluppat wkoll test innovattiv li jkejjel l-immunità għall-virus fuq skala nazzjonali wara l-jitlaqqam kulħadd. Il-proġett qed isir b’investiment ta’ €660,000, b’finanzjament mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Malta Enterprise.