Studju jbassar tnaqqis fis-sehem taż-żgħażagħ fil-festi Maltin

Iż-żagħżagħ Maltin huma attivi ħafna fil-festi iżda s-sehem tagħhom se jonqos fuq medda ta’ snin jekk ma jkunx hemm sforzi biex ġenerazzjonijiet futuri ikomplu jindukraw din it-tradizzjoni.

Din kienet waħda mill-konklużjonijiet li ħarġu minn studju li sar fost il-membri ta’ organizazzjonijiet nvoluti fil-festi. L-istudju kien kofinanzjat minn fondi ewropej bħala parti mill-programm Youth in Action.

Il-konklużjonijiet tal-istudju Qalb żagħżugħa, festi inklussivi, juru li l-aktar fatturi li jattiraw liż-żgħażagħ lejn il-festa huma t-trobbija, id-devozzjoni u l-ispiritwalità.

L-istudju kien kkordinat mill-membri tas-Socjetà Santa Marija, Banda Re Ġorġ Ħamsa tal-Imqabba u evalwa l-attitudnijiet ta’ aktar minn 500 żagħżugħ u żagħżugħa msieħba fl-organizazzjonijiet tal-festi.

Hemm ħafna iktar irġiel min-nisa attivi fl-għaqdiet tal-festa li jvarjaw minn dawk tal-armar fil-knisja u fit-toroq; baned u għaqdiet tan-nar, fost l-oħrajn.

Aktar minn 70 fil-mija li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li ġejjin minn familji tal-ħaddiema.

Kważi l-istess ammont wieġbu li d-devozzjoni lejn il-qaddis padrun kienet ir-raġuni ewlenija għaliex ssieħbu f’dawn l-għaqdiet.

Oħrajn qalu li hija l-kultura tal-festa nnifsha li attirathom lejn dawn l-għaqdiet.

Dr Andrew Azzopardi li kkoordina l-istudju ma’ Dr Saviour Formosa spjega li t-tweġibiet ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ ikissru ħafna mill-ideat assoċjati mal-festa.

Aktar minn 60 fil-mija qalu li bis-sehem tagħhom fil-festa iħossuhom aktar aċċettati fil-komunità u li l-festa hija parti ċentrali minn ħajjithom. Kwart ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li jiddedikaw aktar minn 50 siegħa kull ġimgħa għall-festa.

Ir-riċerkaturi qalu li jeħtieġ li jsir studju aktar dettaljat dwar dawn ix-xejriet biex tiġi stabbilita sistema b’informazzjoni dwar dawk kollha li b’xi mod jew ieħor huma assoċjati mal-festa. Dan minħabba li l-istudju jikkunsidra biss il-veduti ta’ dawk li huma reġistrati f’xi għaqda jew organizazzjoni.