Saħħa
Studju juri li t-trab fl-arja hu kollu kkontaminat bid-duħħan tat-tipjip

Studju ppubblikat f’wieħed mill-iktar ġurnali prestiġjuzi dwar il-kwalità tal-arja, juri li t-trab fl-arja huwa kollu kkontaminat bid-duħħan tat-tipjip permezz ta’ kimika stabbli li kampjuni tagħha nġabru minn Malta. Dan l-istudju kien involut fih akkademiku mill-Università ta’ Malta flimkien ma’ oħrajn minn universitajiet rinomati li għadhom kif temmew stennija ta’ aktar minn kwart ta’ seklu. L-istudju jikkonferma wkoll b’mod xjentifiku li komponenti mid-duħħan tat-tipjip li jikkawżaw il-kanċer jinsabu fl-arja li nieħdu l-ħin kollu.

L-akkademiku Dr Noel Aquilina mid-Dipartiment tal-Kimika fl-Università ta’ Malta u għadd ta’ akkademiċi minn universitajiet f’San Francisco, Birmingham u Hong Kong għadhom kif lestew studju internazzjonali li bdew jaħdmu fuqu fl-2016. Fih stabbilew xi ħaġa li l-komunità xjentifika kienet ilha tipprova tfittex għal dawn l-aħħar 30 sena – indikatur għat-tipjip passiv fil-partiċelli tal-arja.

“Fid-dinja kull sena jiġu mpejpin madwar 6 triljun sigarett u dawn jarmu 22 miljun kilogramma ta’ nikotina u 135 miljun kilogramma ta’ partiċelli, dawn fejn imorru? allura l-indikatur qed juri filfatt illi l-partiċelli għandhom parti mill-komponent li ġej mit-tipjip li jimplika li hemm tossiċi iktar perikolużi daqst tossiċi oħrajn jekk mhux iktar”.

Dr Aquilina spjega li għalkemm il-komponenti mit-tipjip fil-partiċelli tal-arja jammontaw għal 0.06% li tinstema baxxa ħafna u jaf m’hemmx periklu għas-saħħa, l-istudji xjentifiċi qed juru xorta oħra.

“Il-problema hi li aħna ma nistgħux nagħżlu li ma nieħdux nifs allura jekk dawn il-partiċelli fihom komponenti tat-tabakk li huma tossiċi u karċinoġeniċi qawwijin ħafna fir-realtà dawn qed nieħduhom ma’ kull nifs”.

Dan l-istudju sar billi nġabru kampjuni tal-arja minn ħdax-il belt f’erba’ pajjiżi fosthom Malta fejn ir-rata ta’ tipjip għadha għolja tant li hu stmat li persuna minn kull ħamsa tpejjep b’mod regolari.

“Iktar m’għandek nies, iċ-ċans huwa li iktar ikollok tipjip u filfatt deher ċar għax il-kampjuni li nġabru mill-Imsida kienu fost l-iktar għoljin imqabbel mal-pajjiżi li ġbarna fl-Amerika, fl-Ingilterra u Hong Kong”.

L-akkademiku mid-Dipartiment tal-Kimika qal li dan l-istudju li għadu kif ġie ppublikat f’ġurnal akkademiku rinomat għall-kwalità tal-arja u ppreżentat lill-President George Vella se jwassal biex fix-xhur li ġejjin jiġi ppubblikat studju ieħor li jiffoka fuq l-esposizzjoni ta’ tfal Maltin għal żewg tossiċi potenti ħafna li jiġu esklussivament mit-tipjip li fi kliemu jżidu bil-kbir ir-riskju tal-kanċer fil-futur minħabba t-tipjip passiv madwarhom