Barranin
Studju: L-immunità għal min jieħu l-Covid-19 tista’ sservi għal mill-inqas ħames xhur

Studju li sar mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika fir-Renju Unit wera li min ikun ħa l-Covid-19 għandu madwar 83% inqas ċans li jerġa’ jimrad bil-virus, meta mqabbel ma’ xi ħadd li qatt ma ħadu.

L-istudju indika li l-immunità għall-Covid-19 ta’ dawk li jkunu ħadu l-virus normalment isservi għal mill-inqas ħames xhur.

Madankollu l-esperti wissew li min diġà ħa l-virus xorta waħda jista’ jerġa’ jieħdu u jxerrdu fil-komunità, u appellaw biex kulħadd jibqa’ d-dar, irrelevanti jekk kellux il-virus jew le.

Qalu li huwa partikolarment ta’ tħassib il-fatt li persuni li ħadu l-virus it-tieni darba ma kellhomx sintomi, iżda xorta waħda kienu qed iġorru livelli għolja tal-virus b’riskju li jgħadduh lil ħaddieħor.