Lokali
Studju pilota dwar is-saħħa mentali ta’ 600 ġenitur li jkun se jkollhom tarbija

Mis-sena d-dieħla se jibda jsir studju fuq il-ġenituri li se jkollhom tarbija. Skont il-Professur Angela Abela huwa stmat li madwar 20% tan-nisa u 10% tal-irġiel ibatu minn sfidi mentali wara li jkollhom tarbija. Għal dan il-għan il-Ministeru tal-Ġustizzja Soċjali flimkien mal-Università ta’ Malta nieda dan il-proġett pilota fuq 600 ġenitur li se jkollhom tarbija s-sena d-dieħla bl-intenzjoni li jekk jirnexxi jestendi fuq bażi nazzjonali.

Għall-ewwel darba se jsir screening tas-saħħa mentali tal-missirijiet fl-ewwel xhur tat-twelid tat-tarbija. Malta se tkun l-ewwel pajjiż li se tkun qed toffri dan is-servizz ġdid lill-missirijiet bħala parti minn proġett pilota li se jiffoka fuq is-saħħa mentali tal-ġenituri matul it-tqala u l-ewwel xhur tat-trobbija tal-wild ġdid tagħhom.

Il-Professur Angela Abela mid-dipartiment studji dwar il-familja tal-Universita’ ta’ Malta qalet li filwaqt li huwa stmat li mal-għoxrin fil-mija tan-nisa ibatu minn sfidi mentali qabel u wara li jkollhom tarbija, huwa stmat ukoll li wieħed minn kull ħames nisa li jbatu minn dipressjoni wara t-tqala jibqgħu jsofru sfidi mentali minkejja l-isforzi li jagħmlu. Il-Professur Abela spjegat li kien għalhekk li bħala parti mill-istrateġija ta’ trobbija pożittiva tal-Gvern, mill-bidu tas-sena d-dieħla se jibda jsir dan il-proġett pilota f’forma ta’ studju mifrux fuq sena, bl-appoġġ tal-professjonisti fl-isptar Mater Dei fosthom mid-dipartiment tal-ginekoloġija.

“F’dan l-istudju se niskrinjaw ‘il fuq minn 600 ġenitur, u nibġbru familji nistednuhom li jieħdu s-sapport biex ikunu parti minn din ir-riċerka”

Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, is-Solidarjetà, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li l-mira hi li l-koppji jingħataw għajnuna psikjatra u psikoloġika.

“L-mportanza li dan il-proġett se nibdew pilot project s-sena d-dieħlau mbagħad nintroduċuh għall-pajjiż kollu”.

Ruth Sciberras, Chairperson tat-taskforce Trobbija Pożittiva, qalet li l-għan hu li dan is-servizz ġdid jilħaq familji li joqgħodu lura milli jmorru għas-servizzi ta’ għajnuna.