Suċċess ieħor għal Ġensna – History Rocks

Tnejn u tletin sena wara l-ewwel produzzjoni ta’ Ġensna, illejla ttellgħet b’suċċess il-produzzjoni Ġensna – History Rocks – verżjoni aktar kontemporanja minn dik li saret għall-ewwel darba.

gensna1Persuni li attendew illejla għal dan il-kunċert fiċ-Ċentru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali qalu ma’ tvm.com.mt li d-dehra li ngħatat Ġensa mill-kantanti kollha li ħadu sehem kienet waħda mill-aktar speċjali u li jqabbluha tajjeb ħafna mal-produzzjonijiet li ttellgħu fil-passat.

Il-kantanta Ira Losco ngħatat saħansitra standing ovation għall-interpretazzjoni li tat tal-kanzunetta popolari Tema 79, l-istess kif ingħata l-kantant Lawrence Gray għall-interpretazzjoni li ta tal-Innu tal-Ħelsien.

Din il-produzzjoni li se terġa’ ssir għada l-Ħadd qed tittella’ bħala parti mill-attivitajiet organizzati mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali.

Ġensna tirrakkonta l-ġrajja tal-poplu Malti matul is-sekli sal-kisba tal-Ħelsien mill-bażi tal-barrani fl-1979.

iraGħat-tielet darba, wara l-aħħar produzzjoni fl-2009, l-imħuħ wara Ġensna – History Rocks spjegaw ma’ tvm.com.mt li riedu jagħtu dehra ġdida bis-sehem tal-aqwa artisti Maltin, fosthom Ira Losco, Ivan tal-Wintermoods, Errol ta’ Airport Impressions, Tribali u r-rebbieħa tal-Malta Eurovision Firelight.

Il-kunċert tal-lejla sar fl-isfond tal-inċident serju li seħħ fil-bidu tal-ġimgħa wara li struttura tal-ħadid waqgħet taħt it-tinda f’Ta’ Qali b’ħaddiem jindarab serjament u jibqa’ fil-periklu tal-mewt.