Lokali
Is-suċċessur tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri diskuss fil-Parlament

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern mistenni jikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef meta dak sedenti jirtira ftit taż-żmien ieħor.

Qbil fil-Parlament li l-Prim Imħallef jinħatar mill-Gvern

Meta wieġeb mistoqsija supplimentari tad-Deputat Nazzjonalsita Jason Azzopardi fil-Parlament, il-Ministru Bonnici qal li hemm qbil mill-Parlament illi l-Prim Imħallef jingħata mill-Gvern tal-ġurnata mingħajr man-nomina għal Prim Imħallef tmur quddiem il-Kummissjoni għall-ħatra tal-ġudikanti.

Huwa qal li l-Prim Imħallef preżenti Silvio Camilleri se jirtira mill-kariga f’April tas-sena d-dieħla u l-Gvern se jikkonsulta mal-Oppożizzjoni biex jipprova jikseb kunsens sħiħ.  Huwa qal li hemm nies validi jservu fil-Qrati u barra minnhom li huma validi għal din il-ħatra.  Żied jgħid li l-Prim Imħallef ġdid irid ikun persuna integra iżda wkoll ikollu r-rieda ili jmexxi l-qasam tal-ġustizzja ‘l quddiem.

Il-Gvern illeġisla biex il-Qrati jagħtu l-minimu ta’ sentenza fuq traffikar

Il-Ministru Bonnici kkumenta wkoll dwar sentenza li ngħatat fuq traffikar ta’ droga llum li fiha William Agius intbagħat tlett snin ħabs fuq traffikar ta’ elfejn pillola ecstasy.  Is-Sur Agius irriforma ruħu tul iż-żmien li l-każ dam sejjer fil-Qorti.

Fi tweġiba supplimentari lid-Deputat Laburista Byron Camilleri, huwa qal illi l-Gvern kien illeġisla biex il-Qrati ngħataw id-dritt li japplikaw il-minimu ta’ sentenza fuq traffikar.  Huwa qal li l-każ kien jattira sentenza ta’ priġunerija sa massimu ta’ 12-il sena.  Qal li jidher li l-Qorti applikat id-dritt li tapplika l-minimu u qal li l-Imħallef tal-inqas piena li qatt ingħata għal traffikar ta’ dan l-ammont ta’ pilloli.

Dwar id-dritt li ngħata mill-Parlament li persuni dipendenti fuq id-droga jingħataw trattament flok priġunerija, il-Ministru Bonnici qal li dan ġie applikat riċentament mill-Qorti u hemm 20 każ iehor simili li mistennija jinqatghu bl-istess mod.

Diskussa l-liġi tad-droga li tippermetti l-użu tal-kannabis għal skop mediċinali

Intant il-Kamra tad-Deputati bdiet id-diskussjoni fit-tieni qari fuq l-abbozz li jemenda l-ligi dwar trattament flok ħabs għal dipendenti fuq id-droga li tippermetti l-użu tal-kannabis għal skop mediċinali.  Huwa qal illi l-Caritas kitbet lill-Gvern illi hija favur l-użu tal-kannabis għal dan il-għan.

Id-Deputat Prim Ministru u Minsitru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar dan meta ressaq it-tieni qari tal-abbozz.  Huwa qal illi mistenni li tingħata liċenzja taħt ċerti kundizzjonijiet biex il-kannabis għall-użu mediċinali tiġi mmanifatturata Malta u l-prezz tagħha fis-suq jonqos b’mod konsiderevoli.  It-tobba jistgħu joħorġu r-riċetta ta’ din il-mediċina bħal mediċini li jingħataw għal skop psikjatriku.