Unjoni Ewropea
Summit UE: “fiduċjużi” iżda kollox għad jista’ jiġri

F’sessjoni oħra tal-Kunsill Ewropew li se jerġa’ jiltaqa’ aktar tard illum waranofsinhar mistenni jitressaq pakkett ta’ proposti aġġornati għall-Fond ta’ Rkupru mill-coronavirus.  Dawn il-proposti diġà ġew imtarrfa lill-mexxejja Ewropej waqt sessjoni tal-Kunsill li saret qabel ma fi Brussell beda jbexbex jum ġdid – ir-raba’ jum ta’ dan is-summit.

F’laqgħa li bdiet fil-5.30am u damet biss ftit minuti, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel informa lill-mexxejja Ewropej li kien se jaġġorna l-proposti tiegħu għall-Fond ta’ Rkupru mill-Coronavirus u aktar tard matul il-ġurnata kien se jressaq pakkett ġdid.

Hu mifhum li l-pakkett il-ġdid se jkun jinkludi massimu ta’ għotjiet sa 390 biljun ewro bil-bqija jingħataw bħala self.  Hu mifhum ukoll li fil-pakkett il-ġdid li mistenni jiġi diskuss wara nofsinhar, il-ħlasijiet lura – ir-rebates – lill-pajjiżi l-aktar li jissussidjaw il-Budget Ewropew se jitnaqqsu.

Sorsi fi ħdan il-Kunsill Ewropew qalu li dawn huma indikazzjonijiet pożittivi u li l-mexxejja jista’ jkun li resqin lejn qbil.  Anki l-Kanċillier Awstrijakk Sebastian Kurz iddikjara ruħu sodisfatt b’dak li ġie diskuss dal-lejl u dak ukoll jagħti x’jifhem li resqin lejn qbil meta tqis li l-Awstrija kienet waħda minn dawk li baqgħu iżommu iebes.

Madanakollu sorsi oħra spjegaw li kollox jiddependi minn qbil ġenerali dwar diversi punti oħra fosthom il-kundizzjonijiet li jridu jimponu grupp ta’ pajjiżi mmexxija mill-Olanda dwar il-ħarsien tas-saltna tad-dritt u l-governanza għall-pajjiżi tal-lvant u riformi strutturali fl-ekonomija tal-pajjiżi tan-nofsinhar.  Kienu dawn il-kundizzjonijiet li żammew milli jintlaħaq qbil bil-PM Taljan Giuseppe Conte matul il-lejl jakkuża lill-PM Olandiz Mark Rutte li qed jilgħab għall-gallarija u li ċ-ċittadini Ewropej għad iżommuh responsabbli tal-futur li jkun tellifhom. Rutte kien diġa safa fil-mira tal-PM Ungeriż Orban u akkużah li baqa’ jwebbes rasu.

Il-proposti l-ġodda tressqu wara li l-mexxejja Ewropej qattgħu madwar seba’ sigħat sas-sagħtejn ta’ filgħodu jiddiskutu madwar mejda, imbagħad reġgħu bdew isiru konsultazzjonijiet fuq bażi bilaterali jew fi gruppi żgħar.  Issa l-Kunsill Ewropew huwa msejjaħ għall-ħabta tal-4pm.

Oriġinarjament il-pakkett komplessiv bejn il-budget għas-seba’ snin sal-2027 u l-budget tal-fond ta’ stimulu ekonomiku minħabba l-coronavirus kienu jqarrbu lejn l-elfejn biljun ewro.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar