Unjoni Ewropea
Summit UE: Ftehim milħuq; “Riżultat kbir għal Malta” -PM Abela

Issiġġillat il-ftehim dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea sal-2027 u dwar il-Fond ta’ Rkupru mill-Coronavirus.  Kien għall-ħabta tal-5.31am li bi tweet u b’kelma waħda, il-President tal-Kunsill  Ewropew Charles Michel – DEAL! – ħabbar li kien intlaħaq ftehim.

Immedjatament wara tweet tal-PM Malti Robert Abela li qal li dan huwa riżultat kbir għal Malta – A great result for Malta. Segwew tweets oħra – tal-President Franciz Macron pereżempju li qal li dan huwa jum storiku għall-Ewropa.

Il-ftehim intlaħaq wara lejl sħiħ ieħor ta’ negozjati bis-summit jidħol fil-ħames jum tiegħu.  Fl-aħħar lejl tan-negozjati, il-mexxejja bdew jiltaqgħu dwar abbozz rivedut fid-9pm tat-Tnejn filgħaxija, waqfu għall-konsultazzjonijiet fis-1pm u reġgħu bdew jiltaqgħu ftit wara l-4am.

Il-pakkett maqbul jinvolvi Budget għal seba’ snin ta’ €1.074 biljun. (elf u erbgħa u sebgħin biljun ewro).  Kif ukoll Budget ieħor imsejjaħ New Generation EU ta’ €750 biljun li essenzjalment huwa l-Fond ta’ Rkupru mill-Coronavirus li €390 biljun minnu huma f’għotjiet filwaqt li jifdal €360 biljun se jingħataw f’self.

Il-mexxejja rnexxielhom jilhqu qbil anki fuq il-famużi kundizzjonijiet li ried jimponi il-PM Olandiż Mark Rutte u erba’ stati membri oħra: bħas-saltna tad-dritt – li ma kienet qed tinżel xejn tajjeb mal-Ungerija u l-Polonja – u dan b’sempliċi bidla fit-test finali li nżamm ġeneriku u tħallew għażliet differenti miftuħin.  L-Olanda kuntenta għal konċessjonijiet fuq il-portijiet, l-Awstrija kuntenta għax se jieħdu aktar ħlasijiet lura – rebates.   L-Italja kuntenta għax minkejja li naqsula l-fondi li se tirċievi f’għotjiet, dawk li se tieħu b’self żdiedulha sostanzjalment.  L-Ungerija kuntenta wkoll għax ingħatat xi forma ta’ assigurazzjoni li l-proċess ta’ Artiklu 7 għandu jitħaffef taħt il-Presidenza Ġermaniża b’deċiżjoni tittieħed fil-Kunsill.

Issa l-Unjoni Ewropea għandha budget biex taħdem – mill-1 ta’ Jannar li ġej – u aktar importanti minn hekk għandha budget speċjali biex jgħin lill-pajjiżi jirkupraw mill-ħsara ekonomika li ħasad il-coronavirus.  Sadanittant l-Unjoni Ewropea trid tagħraf minn issa ssewwi d-diverġenzi kbar li ħarġu fid-deher bejn mexxej  u ieħor – bejn l-istati membri tal-punent u tal-lvant, bejn dawk tat-tramuntana u tan-nofsinhar – jekk trid li deċiżjonijiet kbar bħal dawn jittieħdu bi ftit aktar serenità.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar