Unjoni Ewropea
Summit UE: Meħtieġa kompromessi jew ixolju

Qed ikompli dalgħodu fi Brussell is-Summit Ewropew Speċjali dwar il-Budget tal-UE sal-2027 u dwar il-Fond ta’ Rkupru maħsub biex jagħmel tajjeb għall-ħsara ekonomika li ħasad il-Coronavirus.

Wara 16-il siegħa ta’ taħditiet u negozjati tal-Ġimgħa, il-mexxejja Ewropej marru lura fil-lukandi tagħhom fis-2am u qablu li jerġgħu jiltaqgħu fil-11am tas-Sibt.  Kif fil-fatt qed jagħmlu. Li jiltaqgħu kien l-uniku qbil reġistrat sa issa, u dan għaliex dwar il-finanzi u t-tqassim tal-flus, numru ta’ pajjiżi għadhom qed iżommu mal-pożizzjoni riġida li ġew biha tant li sorsi qrib il-Kunsill Ewropew sostnew li l-mexxejja Ewropej għadhom ferm ‘il bogħod milli jilħqu ftehim.

Il-jum tas-Sibt jista’ jkun deċiżiv. Jekk jibdew jinstabu l-kompromessi, is-summit jaf ikompli l-Ħadd.  Jekk le, il-mexxejja jafu jxolju llum bit-tir li jiltaqgħu aktar tard f’Lulju.

L-akbar uġigħ ta’ ras jibqa’ l-Pjan ta’ Rkupru imsejjaħ ‘New Generation EU’ li waħdu jinvolvi €750 biljun. F’dan il-każ l-Olanda, l-Awstrja, id-Danimarka u l-Fillandja qed jimponu kundizzjonijiet għal riformi fis-swieq tax-xogħol u tal-pensjonijiet fi Spanja, l-Italja, Franza u l-Greċja.  Din hija meqjusa pożizzjoni sensibbli għal xi wħud.  Iżda mhux għal oħrajn.  Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew stqarrew li l-fondi tal-pjan ta’ rkupru mill-ħsara ekonomika li ġab miegħu il-coronavirus m’għandu jkollu l-ebda rbit.

Is-27 Kap ta’ Gvern fosthom il-PM Malti Robert Abela li jinsabu miġbura fi Brussell lanqas mhu qed jaqblu dwar kemm mill-flus tal-pjan ta’ rkupru se jkunu f’għotjiet u kemm b’self;  m’hemmx qbil lanqas dwar meta dan is-self għandu jitħallas lura.

Dwar il-budget tal-UE sal-2027, li jinvolvi aktar minn elf biljun ewro, il-PM Malti Robert Abela u n-negozjaturi Maltin qed jibqgħu jinsistu li l-pakkett finali għandu jkun wieħed ġust li jirrifletti mhux biss ir-realtajiet ekonomiċi iżda wkoll l-isfidi ta’ dejjem li jiffaċċjaw l-istati membri.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar