Unjoni Ewropea
Summit UE: Qbil dwar aġenda strateġika iżda mhux dwar azzjoni favur il-bidla fil-klima sal-2050

Waqt is-Summit tal-Unjoni Ewropea li qed jiltaqa’ fi Brussell, il-mexxejja Ewropew naqsu milli jaqblu b’mod unanimu dwar proposta biex sas-sena 2050 il-kontinent Ewropew isir kontinent nadif b’industriji li ma jniġġżux u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.  Il-Polonja, l-Ungerija, r-Repubblika Ċeka huma t-tliet pajjiżi li ma qablux li din il-mira meqjusa ambizzjuża tiddaħħal fid-dokument tal-konklużjonijiet finali.

Fis-summit li għalih qed jattendi l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, kien reġistrat tard filgħaxija qbil fuq aġenda strateġika b’numru ta’ prioritajiet għall-ħames snin li ġejjin.  Dan id-dokument essenzjalment jelenka l-prioritajiet i li l-Gvernijiet Ewropej iridu lill-Unjoni Ewropea taħdem fuqhom. Fost l-oħrajn jitkellem dwar politika ta’ migrazzjoni u ġlieda lit-traffikar tal-bniedem, jitkellem dwar tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi, dwar azzjoni kontra t-tniġġiż u t-tibdil fil-klima, dwar Ewropa soċjali u ġusta,  dwar il-protezzjoni u l-libertajiet taċ-ċittadini, kif ukoll dwar il-ħarsien tal-interessi Ewropej fuq livell internazzjonali.

Possibilment is-summit kellu jwitti t-triq għal qbil dwar in-nomini ta’ dawk li tul il-ħames snin li ġejjin se jimlew il-karigi tal-istituzzjonijiet l-ewlenin – minn President tal-Kummissjoni Ewropea għal President tal-Kunsill Ewropew.

Iżda sa minn qabel beda s-summit bdew jidhru d-diverġenzi eżistenti bil-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u b’mexxejja oħra fil-familja tal-Popolari jibqgħu jisħqu fuq il-proċess tal-ispitzenkandidat u għaldaqstant l-għażla ta’ Manfred Weber.  Filwaqt li mexxejja oħra Soċjalisti, Liberali u anki l-President Franċiż Emanuel Macron isostnu li l-għażla m’għandhiex tkun ristretta.

F’mumenti minnhom kien propost isem il-Kummissarju Daniża Marghrete Vestager, għażla li jekk isseħħ tkun tfisser l-ewwel mara President tal-Kummissjoni Ewropea.  Madanakollu xejn mhu deċiż u aktarx – jekk jibqa’ ma jintlaħaqx qbil – kollox se jiġi pospost għal summit speċjali li mistenni jissejjaħ għall-1 ta’ Lulju li ġej.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Fit-tielet logħba tagħhom fil-Kampjonat tal-Amateurs, it-tim ta’ Syria Gżira FC kiseb l-ewwel rebħa bl-iskor ta’ 3-1 kontra Fleur De Lys FC. Il-player Lucky Chizobor skurja żewġ gowls filwaqt li Julius…

Saħħa

Ilbieraħ filgħaxija għadd ta’ nies nġabru quddiem iċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara għal mixja simbolika bħala parti mix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, magħruf bħala Pink October. Din is-sena n-nisa u l-irġiel…

Brexit

Wara dibattitu f’sessjoni straordinarja fil-House of Commons, il-membri parlamentari ivvutaw favur mozzjoni li tobbliga lill-Prim Ministru biex jitlob estensjoni mill-Unjoni Ewropea għal Brexit. Dan sakemm il-ftehim għall-ħruġ mill-Unjoni Ewropea jiġi…

Lokali

L-invażjoni Torka fit-Tramuntana tas-Sirja ġiet ikkundannata mill-komunità Kurda f’Malta li bl-appoġġ tal-Moviment Graffitti organizzaw manifestazzjoni paċifika quddiem l-Ambaxxata Torka fil-Floriana. Huma kkundannaw dak li sejħu bħala assalt brutali u mingħajr…

Aktar