Unjoni Ewropea
Għażla urġenti għall-President tal-Kummissjoni – Tusk jibda negozjati mal-PE

L-għażla ta’ President għall-Kummissjoni Ewropea tant hija urġenti li l-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, mil-lum stess se jiftaħ taħditiet mal-Kapijiet tal-Gruppi Politiċi fil-Parlament Ewropew. Huwa qal li se jagħmel dan b’mod immedjat hekk kif indirizza konferenza tal-aħbarijiet li ġabet fit-tmiemu is-summit Ewropew li tlaqqa’ fi Brussell.

Matul is-summit il-mexxejja Ewropej naqsu li jaqblu fuq kandidat għall-President tal-Kummissjoni Ewropea li jkun kapaċi jikseb maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill u li jkun tajjeb biżżejjed biex jiġi approvat ukoll bla problemi mill-Parlament Ewropew.

Filwaqt li Tusk se jkun qed jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, il-kapijiet tal-Gvernijiet tas-27 stat membru, inkluż il-PM Malti Joseph Muscat, komplew huma stess jinnegozjaw b’mod informali, kemm tard matul il-lejl kif ukoll wara li għalaq is-summit.

Id-deċiżjoni finali issa ġiet posposta għal summit ieħor, li se jitlaqqa’ nhar il-Ħadd 30 ta’ Ġunju, bit-tama li l-mexxejja jkunu kkonverġew biżżejjjed biex jaqblu dwar isem wieħed, u li jkun kapaċi wkoll jikseb l-appoġġ tal-Parlament Ewropew. L-urġenza ġejja wkoll mill-fatt li l-Parlament Ewropew huwa skedat li jiltaqa’ l-ewwel darba fl-1 ta’ Lulju u dakinhar irid jagħżel President.

Sadanittant fit-tieni u l-aħħar jum tas-summit, id-diskussjoni segwiet l-aġenda, bil-mexxejja jaqblu li x-xogħol ta’ ħolqien ta’ budget u strument finanzjarju għall-pajjiżi taz-Żona Ewro fuq bażi volontarja għandu jitkompla b’urġenza. Dan il-budget ghandu jkun parti mill-pakkett globali tal-budget għas-seba’ snin sal-2027. Il-Kunsill qed jittama li n-negozjati dwaru jiġu konkluzi sal-2019.

Dwar Brexit, il-mexxejja qablu li s-27 jibqgħu magħqudin, li lesti jaħdmu mal-PM il-ġdid tar-Renju Unit ikun min ikun. Qablu wkoll fix-xewqa tagħhom li jippruvaw jevitaw Brexit li jseħħ bla ordni ta’ xejn, iżda fl-istess ħin iddikjaraw ruħhom lesti għal anki għal brexit bla ftehim. Il-President Tusk tenna l-pożizzjoni tal-UE li “mhux lesti ninnegozjaw Brexit mill-ġdid.”

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Ebda qbil fuq min se jkunu l-mexxejja l-ġodda wara l-ewwel jum tas-summit

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Uffiċjali tal-ERA dalgħodu sabu għadd ta’ taħżiż mal-faċċata tal-binja fejn jaħdmu. Fi stqarrija uffiċjali, l-ERA qalet li tikkundanna bla riżervi l-attakk vandalu li sar fuq il-bini tal-istess Awtorità fil-Marsa. Dan…

Avjazzjoni

Għadd ta’ passiġġiera, fosthom iktar minn 60 tifel li huma players tal-football, baqgħu l-art hekk kif it-titjira tagħhom lejn id-Danimarka tħassret. L-istorja jidher li reġgħet irrepetiet ruħha hekk kif għat-tieni…

Annimali

Għawwiema li dalgħodu kienu f’Wied iż-Żurrieq baqgħu mbellħa meta raw sajjieda jniżżlu l-art ħuta kbira. Id-dgħajsa tas-sajd daħlet mal-moll, u erba’ rġiel niżlu minnha jġorru ħuta kbira, li dehret tixbah…

Qorti

Charlotte Zammit, omm Liam Debono, intbagħtet sentejn ħabs wara li nstabet ħatja li serqet diversi pompi tal-petrol. Fil-Qorti llum kompla jinstema’ l-każ tas-sinjura Debono fejn instabet ħatja li serqet flus…

Aktar