Lokali
‘Sunfish’, proġett ta’ riċerka u innovazzjoni

Il-MITA organizzat konferenza dwar il-proġett ta’ riċerka u innovazzjoni msejjaħ bħala ‘Sunfish’. Dan il-proġett, iffinanzjat mill-programm ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea – Horizon 2020, għandu l-għan li jsib soluzzjonijiet ġodda, b’mod partikolari għas-settur pubbliku Ewropew, fl-integrazzjoni tas-sistemi ‘cloud’.

Fl-istess waqt, dan il-proġett jara kif jegħleb l-ostakli leġiżlattivi li jagħmluha diffiċli biex jintużaw is-soluzzjonijiet teknoloġiċi kummerċjali disponibbli.

Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi, Dr Emmanuel Mallia spjega kif wieħed mill-pilastri tal-Aġenda Diġitali Ewropea għall-2020 hi bbażata fuq l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Hu sostna li l-Ewropa temmen bis-sħiħ li r-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT jistgħu jwaslu għal tkabbir ekonomiku li jiġġenera x-xogħol.

Il-Ministru Mallia qal li Malta hi kommessa li tistimula r-riċerka u l-innovazzjoni billi tkun miftuħa għall-innovazzjoni. Għaldaqstant, il-Ministru qal li l-Gvern jiggarantixxi li jipprovdi appoġġ loġistiku u finanzjarju, kif ukoll inċentivi lil dawk il-kumpaniji li jinvestu l-ħin u r-riżorsi umani fl-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u servizzi innovattivi.

Tkellem ukoll dwar is-servizzi ‘cloud’ fejn spjega li dawn jipprovdu opportunitajiet lil intrapriżi kbar biex ikabbru l-investiment tagħhom fl-ICT billi jiġbru flimkien riżorsi li mhux qegħdin jintużaw, kif ukoll lil intrapriżi żgħar li jistgħu jiksbu aktar saħħa minn fuq ir-riżorsi ta’ fornituri oħrajn tas-servizzi ‘cloud’.

Il-Ministru Mallia wera wkoll sodisfazjon għall-fatt li l-proġett ‘Sunfish’ jagħmel użu mit-teknoloġija ‘blockchain’. Hu fakkar kif il-Prim Ministru ta’ Malta, Dr Joseph Muscat ippropona l-idea li l-Ewropa tkun il-kontinent tal-bitcoin. Il-Ministru Mallia qal li filwaqt li jridu jiġu stabbiliti ċerti mekkaniżmi li jirregolaw il-‘crypto currencies’, fl-istess waqt li nifhmu li t-teknoloġija tal-blockchain involuta tippermetti li jsiru tranżazzjonijiet aktar effiċjenti u trasparenti.