Is-Suq tal-Belt se jinfetaħ il-ġimgħa d-dieħla

Is-Suq tal-Belt, li hu wieħed mill-proġetti ewlenin mill-privat għal Valletta 2018, se jiftaħ għall-pubbliku bħal-lum ġimgħa wara ftit aktar minn sena ta’ xogħol għar-riġenerazzjoni u r-restawr ta’ din il-binja ikonika li mistennija terġa’ tkun ċentru ta’ ċelebrazzjoni tal-ikel u spazju għad-divertiment u l-attivitajiet kulturali.

Il-kumpanija Arkadia Catering investiet €14-il miljun f’dan il-proġett li ser ihaddem mal-250 persuna.

F’dawn il-jiem l-ispazji tal-ikel fis-suq tal-Belt bdew jiftħu t-twieqi tal-injam bil-persjani għal ftit mistednin qabel nhar l-Erbgħa 3 ta’ Jannar jiftħu uffiċjalment għall-pubbliku wara proġett intensiv u delikat fuq waħda mil-ftit strutturi f’Malta bbażata fuq azzar fondut li nbniet mill-Ingliżi mal-mija u sittin sena ilu.

Wara l-approvazzjoni unanima mill-Parlament fl-2016 biex il-binja tingħata b’ċens ta’ 65 sena lill-grupp Arkadia, il-Perit Taljan, Marco Casamonti fassal id-disinji tiegħu fuq kunċetti simili fi Spanja iżda innovattivi għal Malta – li joħloq post li jwaħħad l-istorja, l-arti u l-kultura mal-ikel u d-divertiment.

Is-suq tal-Belt se jkun suq esklussiv għall-ikel, fil-pjazza t’hawn fuq se jkun hawn diversi prodotti tal-ikel, minn ikel Malti għal ikel minn kull kċina minn madwar id-dinja, waqt li fil-parti ta’ isfel għall-ewwel darba se terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku mill-ġimgħa d-dieħla u se jkun hawn ħwawar u prodotti artiġjali.

Magħhom se jkun hemm min jagħmel l-għaġin frisk, furnar u bejjiegħa tal-frott, il-ħaxix, ix-xorb, il-laħam u l-ħut.

Parti sostanzjali mill-investiment ta’ erbatax-il miljun intuża għar-restawr tal-binja u l-konservazzjoni ta’ karatteristiċi oriġinali bħal kmamar żgħar fil-kantina li se jitgawdew mill-pubbliku u fdalijiet oħrajn li nstabu waqt l-iskavar. Ħamsa u tmenin fil-mija tas-saqaf tas-suq għadu l-oriġinali waqt li sar ħafna xogħol fl-istrutturi tal-azzar li kienu qed jitmermru.

Kelliema għall-proġett qalet lil tvm.com.mt li t-terrazin fit-tieni sular li se jintuża għall-avvenimenti speċjali u l-ispazju għall-kultura u l-arti fl-ewwel sular tas-suq se jinfetħu għall-pubbliku fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar.

Il-proġett tas-suq tal-Belt li mhux biss qed jerġa’ jagħti l-ħajja lil din il-binja li għal ħafna snin kienet fi stat ta’ telqa u abbandun, iżda li jkun parti mil-legat ta’ Valletta 2018 fis-sena Ewropea ddedikata lil-wirt kulturali.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar