Lokali
Surġent jinħeles mill-akkużi li biddel ir-rapport dwar l-isparatura ta’ Paul Sheehan

Il-Qorti tal-Appell Kriminali illiberat lis-Surġent tal-Pulizija Leeroy Balzan li biddel rapport li sar mill-investigaturi b’rabta mal-isparatura li seħħet 3 snin ilu fl-inċident li fih kien involut Paul Sheehan, ex xufier tal-Ministru Manuel Mallia.

Leeroy Balzan kien iffaċċja akkużi dwar allegazzjonijiet li seta’ ħassar xi dettalji mill-verżjoni oriġiali tar-rapport tal-arrest ta’ Stephen Smith, li kien qed isuq il-karozza involuta f’inċident ma’ Sheehan li wasslu biex spara żewġ tiri.

Fl-inkjesta kien ħareġ li seta’ sar attentat ta’ cover-up minn xi individwi qrib ta’ Paul Sheehan biex jinħbew il-fatti mill-każ.  It-tibdil fir-rapport tal-arrest seħħ fit-22 ta’ Novembru minn kompjuter fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema u dan ġie attribwit għas-Surġent Balzan.

Meta kien qed jiffaċċja l-proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati, f’Marzu li għadda, huwa nħeles mill-akkuża li ħassar parti minn rapport tal-Pulizija, iżda nstab ħati li żvela l-‘password’ tas-sistema użata mill-Korp għad-dannu tal-Gvern u s-superjuri tiegħu.

Fi stadju tal-appell, l-avukati difensuri Franco Debono u Marion Camilleri argumentaw li hija prattika normali li l-‘passwords’ jingħataw lil Kuntistabbli ġodda tal-Pulizija biex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom u talbu biex l-akkużat jinħeles minn kull akkuża miġjuba kontrieh.

L-Imħallef Edwina Grima osservat li minkejja li hija l-prassi li l-Pulizija jgħaddu l-‘passwords’ lil xulxin fil-qadi ta’ dmirijiethom bil-barka tas-superjuri tagħhom, il-prosekuzzjoni insistiet li jittieħdu passi fil-konfront tal-uffiċċjal u ffaċċja akkużi li wettaq xi reat.

Għaldaqstant hija laqgħet l-appell ta’ Leeroy Balzan u lliberatu minn kull akkuża u ħtija li kien qed jiffaċċja f’dan il-każ.

 

Ara wkoll:

Mhux ħati li ħassar parti minn rapport tal-Pulizija dwar sparatura