Lokali
FILMAT: Surġent mixli bi stupru ta’ mara wara li rrapportat li ġiet misruqa – jinstab filmat tal-allegat stupru

Surġent tal-pulizija bi 18-il-sena servizz inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li l-ġimgħa l-oħra stupra mara li allegatament ċemplet l-għassa wara li kienet sfat misruqa.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li bejn il-lejl tas-16 u s-17 ta’ April Glen Carabott ta’ 40 sena li hu surġent stazzjonat il-Qawra irċieva rapport dwar serqa li seħħet u dlonk investiga. Allegatament hawnhekk kellu x’jaqsam b’mod sesswali mal-vittma mingħajr kunsens.

Il-prosekuzzjoni spjegat li wara dan l-inċident ma ddaħħal l-ebda rapport dwar is-serqa u lanqas ma skattat investigazzjoni biex jinġiebu lura l-affarijiet misruqa.

L-avukat tal-imputat argumenta li m’hemmx biża’ ta’ intracc tal-provi għax ix-xhieda tal-vittma hija ppreservata u għalhekk għandha tingħata l-libertà proviżorja lil-klijent tiegħu.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura u gravità tar-reat li saħansitra hu aggravat minħabba l-fatt li l-akkużat huwa uffiċjal pubbliku u għalhekk kellu d-dmir jaqdi lill-vittma. Argumentat li wara l-ħin tax-xogħol, l-imputat ċempel lill-vittma u għalhekk il-biża’ tal intraċċ hija veru. Qal ukoll li jaf ikun hemm bżonn aktar xhieda minħabba filmat li nstab fuq il mowbajl tal-imputat tal-istupru.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Gabriella Vella ddeċidiet li t-talba tiġi miċħdua fid-dawl tar-reat, ix-xhieda tal-allegata vittma u minħabba li fadal aktar xhieda.

Intant tliet snin ilu, is-Surġent Carabott kien fl-aħbarijiet wara li kien salva tifel li kien ġie abbandunat.

ARA: “Malli erfajtu qabżitli demgħa” – is-Surġent li sab lit-tifel abbandunat