Għawdex
Sussidju għal vjaġġi bil-fast ferry għall-istudenti u edukaturi Għawdxin

Mill-bidu tax-xahar id-dieħel, madwar 1,300 student u edukatur Għawdxi, se jkunu jistgħu igawdu minn sussidju fuq in-noll tal-vjaġġ bil-fast ferry meta jaqsmu lejn Malta minħabba xogħol jew edukazzjoni. Dan se jkun possibli permezz tal-EDU Fast Ferry Scheme, li dettalji dwarha ngħataw mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana.

Għal dan is-servizz, l-operaturi se jagħtu EDU Fast Ferry Card. Kull darba li tintuża l-card, jingħata rimbors għal kull vjaġġ sa massimu ta’ €250 fis-sena. Il-card tista’ tintuża maż-żewġ operaturi tas-servizz tal-fast ferry waqt il-ġranet fejn jingħata t-tagħlim tul is-sena skolastika. Il-ħlas isir b’lura, kull tliet xhur. Studenti u edukaturi eliġibbli jridu japplikaw online mis-sit tal-Ministeru għall-Edukazzjoni sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Novembru.

Intant, fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Ħaddiema Għawdxin f’Malta talbet lill-Ministeru għal Għawdex jesplora l-possibilità li din l-inizjattiva tapplika wkoll għall-ħaddiema kollha. L-assoċjazzjoni talbet li s-sussidju għall-ivjaġġar li jingħata mill-Ministeru għandu jiġi rivedut biex jirrifletti l-ispejjeż ta’ bħalissa għall-ivjaġġar.