Barranin
Sydney ittawwal il-lockdown b’erba’ ġimgħat

Il-ħames miljun resident ta’ Sydney kien mingħalihom li ħajjithom f’lockdown se tintemm fl-aħħar ta’ dan ix-xahar iżda ħadu l-aħbar li jridu jibqgħu ġewwa sat-28 ta’ Awwissu minħabba żieda fil-każi ġodda kkawżata mill-varjant Delta.

L-akbar belt fl-Awstralja, Sydney, tawwlet b’erba’ ġimgħat oħra l-lockdown minħabba l-Covid-19. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li ordni li diġà hemm biex in-nies jibqgħu id-dar ma kinitx biżżejjed biex tonqos ir-rata ta’ infezzjonijiet.

Fl-istat ta’ New South Wales, ilbieraħ instabu 177 każ ġdid, b’mill-anqas 46 minnhom fost persuni li kienu attivi ħafna fil-komunità qabel ma nstab li għandhom il-virus. Il-Premier ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian wissiet b’azzjonijiet aktar drastiċi għal min ma jsegwix ir-regoli u żiedet tgħid li l-Pulizija ser iżidu l-infurzar. Il-fehma pubblika dwar xahar ieħor ġewwa hi diversa.

Mill-bidu tal-pandemija, ir-residenti ta’ Syndey jinsabu fl-itwal lockdown. Stati oħra bħal Victoria u South Australia irnexxielhom irażżnu l-firxa tal-virus u temmew il-lockdown.

Fl-Awstralja, 16% biss tal-poplu hu mlaqqam.