Ta’ 21 sena kelli nerġa nitgħallem nerġa nimxi, nsuq, niekol u nilbes

Mistiedna waqt il-programm ‘Popolin’ Amy Camilleri Zahra tkellmet fuq l-esperjenza tagħha … Spjegat li ħmistax-il sena ilu kienet studenta tal-Inġinerija l-Università ta’ Malta, fi Frar ta’ dik is-sena mardet serjament u spiċċat tiġġieled għal ħajjitha. Ftit tal-ħin wara ġiet informata mit-tobba li kienet qed tbati mill-meninġite.

“Kien żmien diffiċli ħafna, lill-ġenituri tiegħi qalulhom li ftit kelli ċans li nsalva. Infatti qalulhom biex jagħtuni l-aħħar tislima u jippreparaw għal funeral”. Żiedet tgħid li għamlet ġranet l-ITU f’koma; “qalbi waqfet tliet darbiet”. Hija qalet li wara ħafna żmien, ħareġ l-effett tal-meninġite li wassal biex titlef saqajha t-tnejn u partijiet mis-swaba. “Kienet esperjenza diffiċli ħafna, speċjalment biex terġa tirkupra l-indipendenza. Domt iktar minn sena biex ġejt ftit f’tiegħi, tgħallimt nerġa nimxi, nsuq, nikteb, niekol nilbes u nagħmel l-affarijiet l-iktar bażiċi. Dan kollu kelli nerġa nitgħallmu ta’ wieħed u għoxrin sena”. Sentejn wara t-tobba infurmawha li din il-marda ħalliet effett ukoll fuq il-kliewi ta’ Amy, għalhekk illum il-ġurnata tgħix bil-kilwa ta’ missierha.

Biss Amy ma qatgħetx qalbha, illum il-ġurnata avvanzat fil-karriera tagħha tant li taħdem bħala assistent lettur fl-Università ta’ Malta. Hija wkoll taħdem qatigħ biex tagħti kuraġġ lil kull min jinsab f’sitwazzjoni simili ta’ dak li għaddiet minnu.

Riċentement, waqt intervista Amy tkellmet fuq il-fatt li ma fiha xejn ħażin li persuna tibki għaliex tagħmel ħsara fuq is-saħħa mentali tagħha stess jekk persuna żżomm ġewwa fiha. Qalet li  l-inċertezza hija parti mill-ħajja u li hu fundamentali li kull wieħed u waħda minnha jinvesti f’dak li jagħtina sodisfazzjon u jagħmilna kuntenti. Waqt ‘Popolin’ Amy spjegat li din l-intervista għamlitha biex tfakkar il-ħmistax-il sena minn meta għelbet il-marda li kellha; “nħossni qisni erġajt twelidt mill-bidu”.