Lokali
Ta’ 6 snin jgħid il-kapitali ta’ 200 pajjiż fi ftit minuti

Għandu biss sitt snin, u fi ftit iktar minn 3 minuti kapaċi jgħid il-belt kapitali ta’ kważi mitejn pajjiż madwar id-dinja. Adam Gauci Davison rnexxielu jwaqqaf rekord nazzjonali tal-Malta Records bħala l-iktar tifel li jirnexxilu jgħid il-bliet kapitali fl-inqas ħin. Adam li għandu karattru soċjevoli ħafna qalilna li la jikber jixtieq isir tabib tal-annimali.

Adam Gauci Davison, għandu biss 6 snin u skont ommu Rowena, minn jeddu wera nteress fil-bliet kapitali wara li marru btala f’Ruma, u spjegatlu li hija l-belt kapitali tal-Italja. “Meta kelli 4 kont nafhom kollha u meta kelli 5 u 6 kont qed ngħidhom quick”.

Mistoqsi għaliex iħobb ikun jaf il-bliet kapitali, Adam qal li jieħu gost li meta jiltaqa’ ma’ nies barranin jgħidilhom il-bliet kapitali ta’ pajjiżhom. “Għedtlu minn fejn inti..qalli Niġerja, u għedtlu l-kapitali hija Abuja, u kien hemm waitress u qaltli li mill-Eritrea..għedtilha l-kapitali, Asmara”

Omm Adam, Rowena li hija għalliema, qaltilna li dak li jagħmel binha, kapaċi jagħmluh tfal oħra. Qalet li hi ħarrġet lil binha fil-bliet kapitali għax vera interess hu.

“Jien nemmen li kull tifel jew tifla jekk insibu l-istrenghts tagħhom, u nimxu fuqhom, they can be brilliant”.

Minbarra li huwa tifel intelliġenti, li jistaqsi ħafna mistoqsijiet, Adam huwa tifel soċjevoli ħafna u meta jikber qalilna li jixtieq li jsir veterinarju għax jixtieq jgħin l-annimali li jinħaqru u dawk abbandunati.