Stejjer Umani
Ta’ 70 sena jiskopri n-namra għall-iskultura fil-ġebla tal-franka

L-għomor itwal hu wieħed mill-aqwa kisbiet tal-bniedem. B’aktar Maltin jgħixu aktar fit-tul, il-pensjonanti li jkunu qattgħu ħajjithom kollha jaħdmu sikwit isibuha diffiċli kif se jgħaddu l-ħin.

Fis-servizz li jmiss se niltaqgħu ma’ Ġużi Grima li ta’ 70 sena skopra ħila kreattiva li qatt ma kien jaf biha; l-iskultura fil-ġebla tal-franka.

Kif dħalna fid-dar ta’ Ġużi Grima fil-Mellieħa deher ħerqan jurina katina u ankra. Mad-daqqa t’għajn stħajjilna li kienu magħmulin minn biċċiet żgħar tal-ġebel imwaħlin ma’ xulxin bil-kolla.

Madankollu, il-Prizz – kif inhu magħruf mal-Mellieħin – qalilna li dik kienet l-ewwel biċċa xogħol ta’ skultura fil-ġebla li għamel b’tant paċenzja u preċiżjoni, delizzju li beda b’kumbinazzjoni meta kellu 70 sena.

Ġużi Grima qal “din il-barrakka ta’ katina kif tagħmilha, qalli nibagħtlek imħatra li inti tagħmilha u daqshekk, kellu ġebla u tagħhieli u minn hemm mort għidtlu ara fejnha u baqa’ mbaħnana jiġifieri, qalli li kieku mhux għax tajtek il-ġebla jien ma kontx nemnek.”

Minn hemm Ġużi qatta ħames snin jiskolpi kull ma jarawh għajnejh jagħmluh idejh, speċjalment tagħmir ta’ dari li llum qajla għadek tilmaħ fosthom is-sienja li biha kienu jtellgħu l-ilma bil-bramel mill-ispiera, il-bexxiexa li biha kienu jbixxu t-toroq meta ma kienux asfaltati, spiritiera tal-isteam, l-inkaljatur tal-kafè, karozza tal-linja, l-arloġġ tal-kampnari u l-mitħna tar-riħ fost l-oħrajn. Jgħid li għamel kollox minn moħħu mingħajr ma ħares lejn ritratti tal-oġġetti li ħadem.

Ġużi li ħadem ħajtu kollha jibni, jkaħħal jew iwaħħal il-madum jistma li għamel aktar minn seba’ biċċiet xogħol b’uħud minnhom jinsabu mxerdin mad-dinja.

“L-Awstralja, il-Kanada, l-Amerika, id-Danimarka, in-Norveġja, Franza, jiġu jgħiduli biex jixtruhom imma jien ma nkunx naf kemm neħdilhom għax dik teħodli ġurnata xogħol, din l-agħar talent li hawn għax tbati u minn ġebla daqshekk toħroġ ġebla żgħira mbagħad ma jiswa xejn” qal Ġużi.

B’dispjaċir qalilna li kellu jieqaf minn dan id-delizzju minħabba li s-saħħa ma ppermettitlux aktar.

“Għax din il-morsa (sinjal lejn idu) kemm iddum iżżomm dejjem, bħal din il-banketta trid iżżommha hekk biex ittaqqab, għax inti għandek brace daqshekk jiġifieri nżommu ġo ħalqi u ndawwar hekk jiġifieri nkella kif se tagħmilha dik it-toqba, kif se ttaqqab?” kompla jispjega Ġużi.

Ġużi ‘il-Prizz’ hu eżempju ta’ anzjan attiv li fl-eqqel tal-anzjanità ma ħallix l-iskola limitata u l-età jwaqfuh milli jipprova sengħa ġdida u jużà l-ħin tant prezzjuż biex jagħti ħajja lit-talent li kellu mistur ġo fih.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Minn għadd ta’ knejjes ħarġu l-purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. TVM żar il-Bażilika Kolleġġjata fl-Isla fejn segwa t-tħejjijiet li jsiru minn wara l-kwinti qabel ħarġet waħda mill-eqdem purċissjonijiiet li jsiru bħal-lum…

Stejjer Umani

Gesmond Micallef ilu għoxrin sena b’riskju għal ħajtu jmur idewwi nies midrubin serjament fil-gwerer. Ftit tal-jiem ilu, is-sur Micallef li huwa infermier ngħaqad ma’ tim mediku Franċiż biex idewwi nies…

Lokali

Għall-Knisja Kattolika l-qofol tat-tifkira tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù ntlaħaq kmieni l-Ġimgħa waranofsinhar fil-knejjes kollha, bir-rakkont tal-Passjoni skont l-Evanġelista San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib, u t-Tqarbin. Minn għadd ta’ knejjes imbagħad…

Lokali

L-arti tal-fotografija magħquda max-xogħlijiet artistiċi tal-uħud mill-vari tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta nġabru fi ktieb li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem. Passjoni – Merging Art and Faith huwa l-isem tal-ktieb li jiġbor fih…

Aktar