Lokali
Ta’ 86 sena jdoqq diversi strumenti u jferraħ lil ta’ madwaru

Twieled fl-1935 u minn ċkunitu nibtet fih l-imħabba lejn l-Italja: il-mużika, l-arti, il-kultura u l-mod t’għixien tat-Taljani. Fir-raħal ta’ Għajnsielem, Spiru Cauchi hu karattru magħruf u maħbub; anke għaliex bil-mużika u l-istrumenti li jdoqq iferraħ lil kull min ikun ħdejh.

Ix-xahar id-dieħel Spiru Cauchi jagħlaq 86 sena. Malli rfisna l-għatba tad-dar tiegħu f’Għajnsielem, mill-ewwel tintebaħ bl-imħabba li Spiru għandu lejn l-Italja u dak kollu li hu Taljan, b’mod partikolari l-mużika u l-letteratura. Qalilna li din l-imħabba nibtet minn ċkunitu . . . permezz tar-radju.

“Bdiet minn meta kont għadni żgħir. Kellna r-radju d-dar u konna nisimgħu dawn il-kanzunetti Taljani, Claudio Villa, Aurelio Fierro u minn dakinhar dik il-lingwa romantika ħassejtha dieħla ġo qalbi dik għalija kien il-bidu nett tal-imħabba li għandi lejn Ruma u lejn il-kanzunetta Taljana. Mużika operistika, leggera ok tal-kanzunetti, klassika. Numero uno wkoll. Għadni nsegwihom sallum. Sallum qatt ma qtajt mużika Taljana jew kotba Taljani.”

Mill-mużika għadda għall-arti u l-letteratura Taljana.

“Fuq dawn il-famużi skulturi, pitturi bħal Michelangelo, Raffaello, il-poeti bħal Torquato Tasso, Dante Alighieri, Francesco Petrarca. Jekk nibda ma nispiċċa qatt!”

Innutajna li wiċċ Spiru jixgħel u jemozzjona ruħu meta jsemmi l-Belt Eterna, Ruma, li biħsiebu jerġa jżur dalwaqt.

“Is-safar li għamilna aħna, dejjem Ruma. Morna 30 darba. Dejjem Ruma l-għażla tiegħi u nippassiġġja ħalli ndur kullimkien għax Ruma kull pulzier hemm storja fuqha…. Issa biħsiebni mmmur il Palatino fejn kien tar-Rumani kellhom il-palazzi jagħtu għal fuq Circo Massimo fejn kienu jsiru dawk it-tlielaq. Imprezzabbli hemm fuq.”

L-imħabba lejn il-mużika waslet lil Spiru biex jibda jdoqq diversi strumenti, fosthom l-accordion, il-mandolina, u l-kitarra. Kollha bl-udit!

Lura fl-1960, bħala telephone operator, Spiru għamel tliet snin jaħdem Malta u jgħix il-Belt. Kien idoqq u jkanta l-Premier, u ltaqa’ mal-kantant Taljan, Tony Dallara.

“Dak fin-1960 kien ġie Tony Dallara r-Radio City l-Ħamrun u jien peress li kont inkanta Malta ċempluli biex immur indoqq bħala guest singer Radio city.”

Sa qabel ma faqqgħet il-pandemija tal-Covid, Spiru kien imur regolari jferraħ lill-anzjani f’Dar Sant’Anna.

“Dak l-unika sodisfazzjon li għandi. Inqisha bħala karità li kull ħmistax, domt indoqq 20 sena hemm imma dak l-unika ħaġa li għandi pjaċir biha li għamilt xi ħaġa senza interessi biex inferraħ l-anzjani bħali.”