Kultura
Ta’ Barbetta fost l-antiki bil-forn – il-ħelu tar-Randan fl-aqwa tiegħu

Kif dħalna fil-forn ta’ Manwel Zammit, ir-riħa tal-ħelu qasmiltilna qalbna.

Għal Manwel mhemmx Ħdud u festi. Mas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu jbakkar biex ta’ kuljum jibda xogħlu fil-forn.

Magħruf bħala Ta’ Barbetta, Manwel qal li rifes ghall-ewwel darba f’dan il-forn 36 sena ilu meta ġie impjegat minn zijuh. Illum jgħodd 62 sena u kultant iberrinlu biex jibda jaħseb biex jerfa’ mix-xogħol, iżda fl-istess waqt iħoss għafsa ta’ qalb għax huwa fost l-antiki li għadu bil-forn jagħmel dan ix-xogħol.

Minbarra l-ħlewwiet ta’ kuljum, il-furnar qal li f’dan iż-żmien tas-sena, jipprepara u jaħmi l-ħelu tar-Randan, fosthom il-kwareżimal, li għal min taqalu żaqqu għal ħelu irid ukoll dik ix-xiħaġa ħelwa anke fi żmien is-sagrifiċji tar-randan.

“In-nies ibatu biż-żmien. Ifhimni – jeħduhom, u jistaqsu għalihom u jekk ma jsibuhomx jiddejjqu speċjlament tkun tagħmilhom is-soltu għax imbgħad qishom li jitwebblu.”

Manwel qal li malli toqrob il-Ġimgħa Mqaddsa, jibda jaħseb għall-karamelli tal-ħarrub u l-qagħaq tal-appostli li huma mfittxija ħafna fi żmienhom.

“Il-ħamja tagħmlilhom qoxra, ittihom ftit iktar nar bagħtut biex ikollhom naqra qoxra iebsa, għax inkella jekk ittihom forn qawwi, il-qoxra ma tiġix iebsa.”

Mistoqsi dwar l-oriġini tal-Qagħqa tal-Appostli, il-Professur Carmel Cassar qal li dan kellu tifsira differenti min tal-lum.

“Oriġinarjament kienu jagħmlu dawn il-qagħaq u kienu jqassmuhom lill-fqar tal-paroċċa fil-ġurnata tal-festa.”

L-akkademiku qal li f’dik li kienet id-Dar tal-Irtiri tal-Ġiżwiti fil-Floriana fejn llum hemm il-Kurja, hemm pittura li tmur lura għal nofs is-seklu 18 ta’ prodotti tal-ikel li kien jittiekel, fosthom qagħqa tal-appostli bil-lewż.