Lokali
Ta ġiżirana lill-qassis wara li gideb li tilifha biex jieħu l-flus tal-assigurazzjoni

Raġel ta’ 47 sena nstab ħati ta’ frodi wara li qal li kien tilef ġiżirana tad-deheb biex jieħu l-flus tal-assigurazzjoni.

Anthony Mc Kay kien akkużat li nhar is-17 ta’ Mejju 2010 għamel rapport falz fl-għassa tal-Pulizija, fejn qal li kien tilef giżirana tad-deheb fil-grawnd ta’ Ta’ Qali.

Il-ġiżirana kienet assigurata mal-kumpanija Middlesea, li min-naħa tagħha rrifjutat li tagħtih is-somma ta’ €7,400, iżda wara li Mc Kay qala’ l-inkwiet fl-uffiċini tal-assigurazzjoni, il-kumpanija tagħtu €2,000. Fl-istess żmien l-impjegata li kienet inkarigata mill-każ ta’ Mc Kay sabet ir-roti mifqugħa u brix mal-karozza tagħha.

Ħames xhur wara l-ewwel rapport, Mc Kay reġa’ mar l-għassa fejn allega li ċertu Elsayed El Sisy kien qed jheddu li se jikxfu li gideb fuq il-ġiżirana. Iż-żewġ irġiel kienu jarmaw ħdejn xulxin f’Bieb il-Belt, u El Sisy kien ukoll instab ħati fuq frodi f’każ separat.

El Sisy kkonferma mal-Pulizija li Mc Kay qallu li kien għamel claim falza fuq il-ġiżirana, u li kien ukoll ċarrat ir-roti tal-karozza tal-impjegata tal-assigurazzjoni.

Il-qassis xehed li rċieva l-ġiżirana fis-sagrament tal-qrar

Erba’ xhur wara, il-ġiżirana ġiet irritornata lil Mc Kay minn qassis fil-Knisja tal-Karmelitani fil-Belt. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, semgħet lil Fr Martin Schembri jixhed li kien ta l-ġiżirana lura lil Mc Kay wara li din ġiet għandu fis-sigriet tal-qrar.

Il-Qorti waslet għall-konklużjoni li kien Mc Kay stess li ta l-ġiżirana lill-qassis, għax kienet kumbinazzjoni kbira li dan inzerta jafu u kien iservi fl-istess knisja li jmur fiha hu. Mc Kay għalhekk instab ħati ta’ frodi, kif ukoll talli wettaq ir-reat waqt sentenza sospiża. Huwa iżda ma nstabx ħati tal-vendikazzjoni fuq il-karozza għax il-Qorti qalet li El Sisy ma kienx affidabbli.

Mc Kay tpoġġa taħt ordni ta’ ordni ta’ probation u taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin bil-għan li jingħata għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga. Is-sentejn ħabs sospiżi li kellu fuq każ ieħor reġgħu ġew sospiżi għal erba’ snin oħra.

Aħbarijiet Oħra
Gazzetti

Ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnali tal-lum, il-Ħadd 23 ta’ Settembru, 2018 The Malta Independent Timmarka d-demostrazzjoni li saret kontra l-vjolenza domestika fil-Belt Valletta. Rapport ieħor jgħid li dawk li jaħdmu…

Televiżjoni u Radju

Lejn tmiem is-snin 30 l-awtoritajiet Taljani fil-Libja kienu konvinti li l-Maltin ta’ Tripli kienu qed jibagħtu żgħażagħ mill-komunità tagħhom lejn Malta biex jidħlu fl-armata Ingliza. Aktar minn hekk, l-awtoritajiet Taljani…

Renju Unit

Meta r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Maltin, li ilhom jgħixu fir-Renju Unit għal tal-inqas ħames snin se jkunu intitolati għal dokument ġdid ta’ residenza msejjaħ settled…

Aktar