Unjoni Ewropea
“Ta’ kuljum ħafna nies qed jispiċċaw vittmi ta’ razziżmu minħabba l-kulur tal-ġilda” – il-Kummissarju Jourova

F’webinar organizzat mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u The Malta Independent il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Valuri u Trasparenza Vera Jourova qalet li ħafna ċittadini ma jafux x’inhuma d-drittijiet fundamentali tagħhom.

Hija sostniet li ċ-charter għad-drittijiet fundamentali mhux biss huwa strument fil-ligi Ewropea iżda jħares l-ugwaljanza tal-ġeneru u l-libertà tal-espressjoni waqt li semmiet kif bħalissa qed issir ħidma kontra l-kawżi legali magħrufa bħala SLAPP.

Jourova sostniet li minkejja ċ-charter fl-Ewropa hemm għadd kbir ta’ nies li ta’ kuljum jispiċċaw vittma ta’ razziżmu u diskriminazzjoni fosthom minħabba kulur tal-ġilda jew minħabba dehra.

Dr Elena Grech, il-Kap tar-Rappreżentanza Maltija tal-Unjoni Ewropea, qalet li l-UE tippromwovi ċ-charter tad-drittijiet fundamentali u sostniet li l-libertà tal-espressjoni ħafna drabi huwa dritt li jittieħed ‘for granted’, speċjalment minħabba l-aċċessibilità tal-media soċjali fejn wieħed xi drabi jaħseb li jista’ jitkellem kif irid.

Id-direttur tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Michael O’Flaherty, faħħar il-kisba ta’ tant drittijiet fundamentali li daħħal il-Gvern Malti fosthom b’rabta mad-drittijiet tal-LGBTIQ.

Huwa qal li fl-aħħar sena, anke bil-pandemija, ingħatat informazzjoni skorretta dwar il-Covid b’ġurnalisti f’diversi pajjiżi Ewropej ġew attakkati għax għamlu xogħolhom.

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-UE għandha tipproteġi l-valur tal-ħajja u l-ugwaljanza u sostniet li fl-aħħar snin inħoloq distakk bejn l-UE u ċ-ċittadini għax il-valuri Ewropej ma ġewx rispettati minn ċerti istituzzjonijiet ta’ pajjiżi varji.

Hija qalet li mhemmx biżżejjed liġijiet Ewropej li jipproteġu lill-ġurnalisti tant li sostniet li bħalissa qed isiru proposti kontra s-SLAPP biex isikktu lill-ġurnalisti.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li fuq livell nazzjonali l-Gvern għamel emendi għal-liġi li tikkonċerna l-libertà tal-espressjoni u dan biex jipproteġi l-ħidma tal-ġurnalisti waqtl li fuq livell Ewropew hemm bżonn tal-intervent tal-UE fosthom biex pajjiżi membri jirrispettaw il-liġijiet ta’ pajjiżi membri oħra.

Zammit Lewis żied li bħalissa fil-Parlament hemm abbozzi ta’ liġi dwar id-drittijiet fundamentali wara konsultazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi u semma wkoll kif fi ftit tax-xhur oħra se titwaqqaf kummissjoni għad-drittijiet umani.