Qorti
“Ta’ tħassib id-dewmien fil-proċeduri li jwassal biex ikun hemm min idum biex tinqatalu l-kundanna”

L-arrest tas-suspettat ewlieni wara l-qtil doppju f’Tas-Sliema, qanqal dibattitu dwar kif persuna li tkun qed tiffaċċja akkużi fuq reati serji tingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-avukat u kap tad-dipartiment tal-liġi kriminali fil-fakultà tal-liġi, Stefano Filletti qal li sa ma tingħata sentenza mill-Qorti wieħed hu preżunt innoċenti. Qal li l-iskop tal-ħelsien mill-arrest ikopri iż-żmien mindu wieħed jitressaq il-Qorti sa ma tingħata is-sentenza, u semma diversi każi li nqatgħu kontra Malta mill-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem minħabba li naqset milli tati iċ-ċans għall-ħelsien mill-arrest.

“Jekk tinżamm il-ħabs, int il-ħajja tiegħek tinqaleb ta’ taħt fuq. Titlef il-kuntatt mal-familja, titlef il-job, kuntatt mas-soċjetà u effetti oħra fosthom emozzjonali u psikologiċi. Jekk il-Qorti tiddeċiedi li int illiberat x’se nagħmlu? Tkun qattajt snin il-ħabs għal xejn?,” qal l-avukat Stefano Filletti.

Dr Filletti qal li filwaqt li kulħadd għandu il-jedd li jitlob għall-ħelsien mill-arrest, mhux dritt ta’ kull akkużat li jingħata din il-kundizzjoni mill-Qorti. Semma żewġ kriterji ewlenin li l-qorti tikkunsidra meta tiġi biex tagħti il-ħelsien lill-imputat – li wieħed ma jaħrabx u jibqa jidher fil-kawża u li ma jkellimx lix-xhieda. Ma dan, qal li l-qorti trid tikkunsidra ukoll it-tielet element.

“Element importanti meta jingħata il-bail hu id-distakk bejn li l-Qorti tkun oġġettiva u ma tkunx influwenzata mill-agħa tan-nies, imma fl-istess ħin li l-persuna li tingħata l-bail ma tkunx persuna li se terġa’ tikkometti reati, jew se tagħmel ħsara lil ħaddieħor,” kompla l-avukat Filletti.

Dr Filletti argumenta li d-dewmien fil-proċeduri hu preokkupanti u jwassal għall-problema li jkun hemm nies li jdumu biex tinqatalhom il-kundanna. Tal-istess ħsieb l-avukat Veronique Dalli li l-problema hi li hemm kumplilazzjonijiet li jdumu ħafna biex jingħalqu.

“Għandna kumpilazzjonijiet bdew fl-2006. Għandek persuna li ilha mdendla, akkużata, tajjeb jew ħazin, mill-2006. Jista’ jkun għada tinstab ħatja. Jistà jkun tiġi illiberata. Imma persuna għandha tagħmel 14-il sena tistenna li jinġabru il-provi kontriha biex tara hux se titla ġuri jew tibqa’ quddiem il-qorti tal-Maġistrati?,” qalet l-Avukat Veronique Dalli.

Dr Dalli qalet li għandna nerġgħu nikkunsidraw il-mod kif il-proċedura fl-istadju ta’ kumpilazzjoni tiġi aktar effiċjenti.

“Irridu naraw jekk din is-sistema ta’ kumpilazzjonijiet għandiex tibqa’ kif inhi jew nintroduċu termini li tajjeb jew ħażin, f’dak iż-żmien il-kumpilazzjoni trid tkun għalqet,” kompliet Dr Dalli.

Filwaqt li ż-żewġ avukati naqsu milli jistabbilixxu x’inhi ir-raġuni ewlenija wara d-dewmien, qalu li l-bidla hi meħtieġa fl-interess ta’ kulħadd – kemm tal-akkużat kif ukoll tas-soċjetà inġenerali.

Ara wkoll:

Jisħaq li fil-ħelsien mill-arrest ikunu kkunsidrati wkoll l-interessi tas-soċjetà