COVID-19
Tabib fil-Ġermanja investigat wara li ta l-vaċċin tal-Covid lil tifla ta’ 9 snin

Tabib fil-Ġermanja qed jiġi investigat wara li ta l-vaċċin tal-Covid-19 lil tifla ta’ disa’ snin.

Il-każ seħħ fil-belt Ġermaniża ta’ Augsburg bit-tabib jitkeċċa miċ-ċentru fejn jingħata t-tilqim.

It-tifla kienet ma’ missierha li mar jieħu t-tilqima. Malli nduna bl-iżball it-tabib talab skuża.

Avukat li tkellem f’isem l-operaturi taċ-ċentru qal li t-tabib ħaseb li t-tifla kienet pazjenta vulnerabbli.

It-tifla ttieħdet fi sptar għall-osservazzjoni u s’issa ma rriżultax li t-tilqima affettwatha.

Il-Pulizija qed tinvestiga l-każ bit-tabib mistenni jitressaq fil-Qorti fuq traskuraġni.

Fil-Ġermanja tfal li għandhom iktar minn 12-il sena jistgħu jingħataw it-tilqima tal-Pfizer.