Lokali
Tabib imma jaħdem YouTuber … l-ewwel Malti li laħaq il-miljun subscriber

Luke, huwa l-ewwel Malti li laħaq l-ewwel miljun abonat (subscriber) fuq YouTube.

Skont l-aħħar statistika li ħarġet f’Jannar kull minuta jitilgħu 300 filmat fuq YouTube u kuljum in-nies jaraw mal-5 biljun filmat.  Ħafna huma dawk il-barranin li jilħqu l-miljuni ta’ segwaċi fuq il-profil tagħhom iżda wieħed jara impossibbli li minn gżira żgħira jsib xi Malti b’ħafna segwaċi.  Fil-jiem li għaddew għall-ewwel darba Malti ngħaqad ma’ din il-lista ta’ nies li għandhom ħafna segwaċi. Hekk kif Luke, żagħżugħ ta’ 24 sena, magħruf bħala Grandayy laħaq il-miljun abonat.

Iżda min hu Luke?

Luke huwa gradwat bħala tabib u ilu jtella’ l-filmati fuq il-pjataforma tal-YouTube mill-2007.

Ma’ TVM Luke qal li kien fl-2011 meta beda jitfa’ l-filmati b’mod regolari fuq l-ewwel profil tiegħu grande1899. Spjega li kien jagħmel diski fil-logħba Minecraft billi juża blokok speċjali fil-logħba li jipproduċu noti tal-mużika.

Luke qal li eventwalment laħaq aktar minn 100,000 abbonat u rċieva l-ewwel Silver Play Button Trophy f’Malta fl-2016. Dan il-kont bħalissa għandu ‘l fuq minn 300,000 segwaċi u kif spjega Luke huwa t-tieni l-ikbar YouTube Channel Malti, wara l-profil l-ieħor tiegħu Grandayy li fetaħ sentejn ilu.  Fuq Grandayy huwa jtella’ filmati primarjament memes, filmati editjati satiriċi.

Biex jiċċelebra dan is-suċċess, Luke tella’ filmat speċjali u qal li fiha ħadu sehem mal-40 YouTuber, b’uħud mill-akbar YouTubers fid-dinja aċċettaw li jieħdu sehem fil-filmat tiegħu, fosthom Vsauce (l-ikbar kont tal-YouTube edukattiv fid-dinja), Jacksepticeye (li għandu ‘l fuq minn 20 miljun abbonati fil-profil tiegħu), Jacksfilms (kiseb is-Shorty Awards 2018 YouTuber tas-sena), u iDubbz li għandu ‘l fuq minn 6 miljun persuna jsegwuh.

Luke qal li diversi YouTubers jsegwuh fuq Twitter fosthom l-akbar YouTuber fid-dinja PewDiePie.

Huwa mhux biss għandu l-akbar profil Malti tal-YouTube segwit, iżda għandu wkoll il-profil ta’ Twitter l-aktar segwit u l-paġna tiegħu tal-Instagram hija t-tieni l-akbar paġna Maltija segwita.

Kif nibtet fih il-kreattività?

Luke stqarr li jaħseb li minn dejjem kien iħossu kreattiv, fejn dejjem kellu dik il-ħeġġa biex joħloq affarijiet oriġinali l-aktar fuq l-internet. Huwa qal li ftit minn dawn l-affarijiet qatt ma qabdu sew, fosthom l-ewwel filmat li kien tela’ fuq YouTube dwar il-logħba Runescape u filmati oħra fuq il-logħba Fifa.

Luke kompla jgħid li l-filmati għamilhom għax kien jieħu gost jagħmilhom u mhux għall-fama. Stqarr li kien fortunat li kemm Minecraft note block videos kif ukoll il-filmati tal-memes ġibdu udjenza akbar milli qatt stenna.

Intant Luke qal li inkejja li huwa gradwat bħala tabib qal li la għandu l-opportunità li jaħdem bħala YouTuber se jaħtafha.

“Għalkemm huwa kemxejn stressanti li trid tibqa’ tagħmel filmati b’ideat oriġinali kważi kuljum, tara li l-fans mhux qed idejquhom ċertu filmati, dan ix-xogħol jogħġobni ħafna għax għandi l-libertà li nagħmel il-kontenut li rrid jien u għax li jkollok fanbase kbira madwar id-dinja li tissapportjak huwa sabiħ ħafna” qal Luke.

Huwa spjega li ħafna mill-ħin tal-ġurnata jqattagħha fuq il-kompjuter, jeditja l-filmati jew jagħrex għall-ideat ġodda. Huwa jsegwi ħafna dak li għaddej ukoll fuq l-internet, fejn stqarr li l-ideat ġieli jġibhom mill-memes li jara kuljum.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-istati membri bi skemi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment biex isaħħu l-kontrolli u l-iskrutinju li jagħmlu fuq l-applikanti minħabba r-riskji li dawn l-iskemi jistgħu jintużaw għal skopijiet…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura li l-abbozz ta’ ftehim finali li se jiġi ppreżentat għall-ftehim mal-grupp Corinthia se jindirizza t-tħassib ġenwin li tqajjem minn kwartieri differenti. Mistoqsi dwar il-valur tal-art,…

Lokali

X Factor Malta ħabbar li r-rebbieħ ta’ The X Factor UK 2018, Dalton Harris se jkun il-mistieden speċjali għall-finali ta’ X Factor Malta. Dalton Harris flimkien ma’ James Arthur nedew…

Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn…

Aktar