Qorti
Tabib jitħalla jgawdi wirt li ħallielu raġel minkejja l-oġġezzjoni ta’ ħutu

Imħallef li semgħet żewġt aħwa joġġezzjonaw għall-fatt li ħuhom ħalla l-wirt lil tabib irrifjutat it-talba tagħhom wara li kkonkludiet li ma kien hemm xejn ħażin fil-mod kif sar it-testment.

L-aħwa Alberta u Joan Mangion fetħu l-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra t-Tabib Jan Chircop.

Huma talbu li t-tabib jinżamm milli jaġixxi tas-sid tal-ġid imħolli lilu minn ħuhom Mario Mangion fit-testment li sar fl-2020.

Wara li semgħet x’kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat l-Imħallef Anna Felice qalet li t-talba tal-aħwa Magion tistrieħ fuq allegazzjonijiet u sostniet li huma ma ressqu ebda prova li jgawdu xi jedd fil-konfront ta’ Dr Chircop.

Hija sostniet li minn dak li rriżultalha t-testment sar b’mod korrett minn nutar pubbliku skont dak li tgħid l-liġi.

“Ma nġabet lill-Qorti ebda ħjiel ta’ prova, lanqas mad-daqqa t’għajn, li ġie eżerċitat xi qerq fuq id-defunt, kif lanqas ma jidher li d-defunt kien b’xi mod soġġett għal xi pressjoni, biża’ jew abbuż morali kif isostnu r-rikorrenti”.

L-Imħallef Felice sostniet li fid-dawl ta’ dan kollu ma tqisx meħtieġa indaġini ulterjuri dwar il-preġudizzju.