Lokali
Tabiba twissi dwar periklu ta’ gass bla kulur u riħa li jista’ javvelenak f’postijiet magħluqa

Il-monossidu tal-karbonju li joħroġ fost l-oħrajn mill-exhaust tal-karozzi jista’ jkun perikoluż immens. Saħansitra, kif jaf ġara lil Ingliż ta’ 52 sena aktar kmieni din il-ġimgħa, dak li jkun jista’ anki jitlef ħajtu jekk ma joqgħodx b’seba’ għajnejn.

F’kummenti ma’ tvm.com.mt it-tabiba u l-eks radjografa, Dr Georgiana Bonnici fissret li l-monossidu tal-karbonju huwa gass bla kulur u bla riħa. Spjegat, li dan il-gass jista’ jidħol fid-demm u jakkumula għal livelli perikolużi jekk tagħmir jew magni li jaħarqu l-fjuwil bħal heaters tal-gass, fireplaces, fran u magni tal-karozzi jkunu vventilati b’mod ħażin, speċjalment jekk ikunu fi spazju magħluqa.

Dr Bonnici qalet li hekk kif il-ġisem jibda jibdel l-ossiġnu ġewwa ċ-ċelloli ħomor tad-demm bil-monossidu tal-karbonju tista’ sseħħ ħsara serja fil-ġisem u saħansitra dak li jkun jista’ anki jitlef ħajtu jekk ma joqgħodx attent. Żiedet, li s-sinjali ta’ twissija ta’ avvelenament bil-monossidu tal-karbonju kultant ikunu ħfief ħafna u dak li jkun ma jagħtix kas. Dawn jistgħu jinkludu uġigħ ta’ ras, sturdament, dardir u vista mċajpra.

It-tabiba spjegat li biex dak li jkun jilqagħlu jista’ jinstalla detectors apposta fejn meħtieġ u saħqet li huwa importanti li fil-post ikun hemm biżżejjed ventilazzjoni biex il-post igawdi minn arja friska rikka fl-ossiġnu.

Għal aktar tagħrif dwar is-saħħa ħolistika tista’ żżur dan is-sit.