Kultura
Taf titkellem il-Malti daqs Jinjing? Tgħallmitu f’sitt xhur

Tħobb ħafna affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ Malta, speċjalment il-lingwa Maltija.

Jinjing Xu, Ċiniża li ilha Malta sitt xhur, tgħallmet titkellem il-Malti f’tebqa ta’ għajn u issa għandha x-xewqa li tgħallmu f’pajjiżha.

“Jien Jinjing. Issa qiegħda Malta biex nitgħallem il-Malti,” tgħid Jinjing.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn taħsibha turista qiegħda ddur l-Università, iżda Jinjing qed titgħallem il-Malti bix-xewqa li għada pitgħada tgħallmu fiċ-Ċina. “Hemm ħafna espressjonijiet simili bejn il-Malti u ċ-Ċiniż. Bħal ‘sieq waħda fil-ħofra’ u ‘x’riħ ġabek hawn?'”

L-ikbar uġigħ ta’ ras għal Jinjing… it-tifsir tal-verbi. “Bħal ngħidu aħna ‘qasam il-kejk, qasam it-triq, qasam rasu jew qabeż fuq persuna, qabeż għal persuna.'”

Tħobb tiekol il-ħobż tal-Malti, u anki l-idjomi dwaru jinżlulha għasel. “Pereżempju tilef ħobżu, ma jiswiex ħobż, mhux ħobż għal snienu, u hekk. Lili togħġobni ħafna l-frażi ‘ħobż u sikkina’, bħal meta tnejn imorru tajjeb flimkien bħall-Malti u jiena.”

Kliem bħal ‘dlonk’ u ‘dehen’ saru jogħġbuha wisq, iżda l-lista qed tkompli tikber. “L-aħjar espressjoni li smajt u għoġbitni ħafna hi ‘ċiċċi beqqi’ u l-kelma ‘bakkaljaw’ li huwa tajjeb ħafna.”

Jinjing kellha l-opportunità li titgħallem il-Malti frott kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u ta’ Beijing.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Michael Spagnol, stqarr li kien sorpriż li Jinjing ħakmet il-Malti daqshekk malajr.

“Ngħidlek id-dritt ma stennejtx li se tkun tgħallmitu tajjeb daqshekk f’dawn il-ftit xhur għax prattikament qed nitkellmu fuq 5/6 xhur li ilha Malta titgħallmu imma ġiet b’determinazzjoni,” qal Dr Spagnol.

Jinjing titkellem dwar il-faxxinu li għandha għal-lingwa Maltija fil-programm INSIGHTS li jixxandar il-Ħadd filgħaxija fuq Television Malta.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Is-Servizz tas-Sigurtà Malti għandu taqsima apposta dedikata għall-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan joħroġ mir-rapport annwali tal-Kumitat Nazzjonali tas-Sigurtà għas-sena li għaddiet fejn jingħad…

Teknoloġija

Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita nediet ċentru ġdid tad-data kif ukoll pjattaforma tal-Internet of things. Permezz ta’ din it-teknoloġija, numru ta’ oġġetti fid-dar jistgħu jiġu mqabbda mal-internet biex jiġu kkontrollati minn fuq…

Politika

Fil-Belt l-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice organizzaw protesta fejn talbu li l-parlamentari jwarrbu lil Joseph Muscat minn Prim Ministru, jekk dan ma jirriżenjax minn jeddu.  Qalu li l-Prim Ministru missu…

Lokali

Għall-ewwel darba, l-Ungerija għandha preżenza diplomatika permanenti f’Malta permezz ta’ konsolat fil-Belt Valletta. Fl-inawgurazzjoni, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija qal li pajjiżu qed jappoġġja l-kandidatura ta’ Malta biex tiġi…

Aktar