Temp
Tafha l-istorja tat-tbassir tat-temp f’Malta?

Tliet snin oħra jaħbat għeluq il-mitt sena mill-ftuħ tal-ewwel uffiċċju għat-tbassir tat-temp f’Malta.

Fil-jum dinji tal-metereoloġija, iċċelebrat bħal-lum, it-23 ta’ Marzu, jitfakkar it-twaqqif tal-organizzazzjoni dinjija tal-meteoroloġija fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda fl-1950. F’dan il-jum jitfakkar il-kontribut tas-servizzi nazzjonali tat-tbassir tat-temp għall-bniedem.

Is-sena li għaddiet kienet l-aktar sena tempestuża fir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. 16-il maltempata bir-ragħad reġistrati f’Ottubru li għadda wasslu biex l-għaxar xahar tal-2018 jitniżżel bħala l-aktar xahar b’ragħad li qatt ġie osservat f’Malta.

Fix-xhur tas-sajf saru aktar spissi il-ħalbiet tax-xita, bħalma ġara fil-5 t’ Awwissu li għadda f’maltempata ta’ siegħa li matula karwat ir-ragħad, faqqgħu xi sajjetti u f’xi nħawi niżlet xita qliel.

Kellna ċirkostanzi rari meta niżlet il-borra għalkemm hi u nieżla, akkumulat partiċelli tal-ilma u inbidlet f’silġ artab. L-aħħar darba li l-uffiċċju meteoroloġiku osserva dan kien lejlet l-ewwel tas-sena fl-2014.

L-ewwel uffiċċju meteoroloġiku f’Malta kien ibbażat Gwardamanga u fetaħ f’Lulju 1922. Wara ħames snin iċċaqlaq għall-Belt, u wara t-tieni gwerra dinjija nfetaħ stazzjon ġdid għat-tbassir tat-temp fil-mitjar ta’ Ħal Luqa. Tletin sena ilu, l-Uffiċċju Meteoroloġiku sar parti mill-kumpanija li tmexxi l-ajruport , bl-irwol ewlieni tiegħu li jipprovdi tagħrif dettaljat dwar it-temp lill-industrija tal-avjazzjoni.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku jipprovdi servizzi ta’ tbassir tat-temp għal Malta u hu responsabbli mill-ħruġ ta’ avviżi lill-pubbliku, lill-baħħara u lis-servizzi ta’ emerġenza dwar maltemp qawwi jew ta’ periklu. L-Uffiċċju Meteoroloġiku hu responsabbli li jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar it-temp fost ohrajn lill-industrija tal-avjazzjoni u bosta setturi ohra tal-ekonomija li l-operat taghhom jiddependi fuq il-burdati tat-temp.

Fl-Uffiċċju Meteoroloġiku, hemm ħames uffiċjali mħarrġa, li kontinwament iżommu, fost oħrajn lill-baħħara, aġġornati bil-kundizzjonijiet tat-temp. Huma jiġbru informazzjoni dettaljata dwar it-temp minn diversi lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin filwaqt li l-avvanzi fit-teknoloġija ppermettew biex it-tbassir tat-temp jiżdied minn previżjoni għal tlett ijiem għal tbassir tat-temp għal sebat ijiem.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-Korp tal-Pulizija qed jiċħad li ngħatat ordni lil xi uffiċjal tal-pulizija biex jagħmel kuntatt ma’ persuna jew persuni li jmexxu paġna fuq il-midja soċjali biex ineħħu l-filmat ta’ kuntistabbli fuq…

Lokali

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija ntalab jinvestiga filmati minn dashcams li allegatament juru l-vettura tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jinjora l-ordnijiet tal-pulizija tat-traffiku u jostakola korozza li kienet skortata mill-pulizija. Il-każ allegament seħħ…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar 24 siegħa saru 1,247 swab tests li minnhom ħareġ każ wieħed pożittiv. Hija qalet li fiequ 6 persuni mill-virus. Biex b’hekk issa hemm…

Aktar